Lokali

Għada nkunu ġenerużi mad-Dar tal-Providenza

Fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-Festa ta’ Ġenerożità fejn fl-Ewwel Jum tas-Sena jinġabru fondi biex id-Dar ikollha l-finanzi meħtieġa ħalli tkompli toffri  s-servizzi residenzjali li ilha toffri għal aktar minn 25 sena lil persuni b’diżabbiltà.

Waqt din il-Maratona, se tkun qed tiġi eżebita relikwa ta’ parti mil-garża tal-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II meta ġie attakkat fl-1981.

Matul il-Festa ta’ Ġenerożità, li se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni – fosthom NET Television, minbarra d-donazzjonijiet tal-pubbliku, se ssir ukoll esebizzjoni ta’ xogħolijiet tal-arti li aktar tard din is-sena se jkunu rkantati

NET News tkellem mad-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef, li appella lill-poplu kollu biex jagħti sehmu f’din il-Maratona.

Ix-xandira tibda fid-9 ta’ filghodu b’Quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna fil-Kappella tad-Dar, bil-Maratona tibqa’ sejra sa nofsillejl. Wieħed jista’ jċempel jew iżur id-Dar biex jagħti d-donazzjoni tiegħu u jgawdi l-atmosfera u l-ispettaklu tal-Festa ta’ Ġenerożità.