Internazzjonali

Id-dinja tħejji għall-2020…iżda l-problemi u l-kriżi ma jonqsux

Miljuni ta’ nies bdew jilqgħu diġà s-sena 2020 bil-logħob tan-nar, iż-żfin u x-xampanja iżda ċ-ċelebrazzjonijiet fl-Awstralja spiċċaw imtappna minħabba l-kriżi tan-nirien li ilhom għal ġimgħat, anki waqt li l-movimenti ta’ protesti f’Hong Kong u l-Indja qegħdin itellfu mill-arja ta’ festa għall-popli rispettivi.

Intant, New Zealand kien fost l-ewwel pajjiżi li taw merħba lis-sena l-ġdida, bil-logħob tan-nar idawwal is-sema’ fuq il-belt prinċipali ta’ Auckland fejn inġemgħu il-folol kbar.

Mill-banda l-oħra, fl-Awstralja kien hemm ukoll il-folol kbar fiz-zona ta’ Sydney biex jaraw il-logħob tan-nar famuż fuq il-port tal-belt. Iċ-ċelebrazzjonijiet, li għaliha qed jattendu mijiet ta’ eluf tan-nies, qegħdin isiru waqt li d-dħaħen min-nirien qalb foresta baqgħu jiddominaw fl-bliet tal-madwar, maġenb il-kosta.

Is-Sindku ta’ Sydney, Clover Moore, iddefendiet id-deċiżjoni biex ma jitħassarx il-programm tal-logħob tan-nar f’Sydney fejn spjegat li l-ippjanar għalih kien beda aktar minn sena ilu u li ħafna mill-baġit kien diġà spiċċa allokat għall-okkażjoni. Clover Moore kompliet li l-avveniment irid jitiqies bħala stimolu importanti għall-ekonomija tal-Istat Awstraljan ta’ New South Wales.

L-inkwiet politiku f’Hong Kong, intant, affettwa ċ-ċelebrazzjonijiet tan-nies, bl-awtoritajiet lokali, għall-ewwel darba f’għaxar snin, iħassru l-programm popolari tal-logħob tan-nar li s-soltu jsir ma’ sbieħ is-sena ġdida.

Minflok kienet ippjanata ‘Sinfonija tad-Dwal’ – jew light show li produċa diversi xeni fuq l-akbar skyscrapers ta’ Hong Kong. Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, Carrie Lam, użat il-messaġġ għas-Sena Ġdida biex tappella għall-kalma u rikonċiljazzjoni fost il-poplu, fi żmien ta’ inkwiet kbir u inċertezza.

Fl-Indja, eluf ta’ nies ukoll kienu qed jippjanaw biex jilqgħu s-sena l-ġdida bil-protesti meta l-poplu jinsab irrabjat dwar  liġi taċ-ċittadinanza li skont huma għandha tiddiskrimina kontra l-Musulmani minbarra li ddgħajjef il-kostituzzjoni sekulari tal-Indja.

Dan fost l-ippjanar ta’ dimostrazzjonijiet fil-belt ta’ New Delhi u l-belt ta’ Mumbai, rikonoxxuta bħala ċ-ċentru finanzjarju tal-Indja Sadanittant, ir-residenti fi New Delhi qegħdin jagħtu merħba lill-2020 meta fl-inħawi, qed tiddomina t-tieni l-aktar xitwa qalila f’aktar minn nofs-seklu.