Lokali

IL-GANG LI KIXEF NET NEWS TIRRITALJA: 6 arrestati, persuna feruta u tarbija teħlisha bi żbrixx

Rapport li ppubblika Net News it-Tnejn filgħaxija wassal biex il-persuni nvoluti jaħilfu li jpattuha liż-żagħżugħ li jakkużaw li kixef mal-Pulizija lil wieħed minnhom.

Dan hu dak li żvela lbieraħ dan l-istazzjon, b’recordings esklussivi ta’ theddid, l-ammissjoni ta’ wieħed minnhom li seraq vettura, ritratt ta’ ieħor jippoża b’pistola fil-karozza u filmati minn kameras tas-sigurtà fejn iż-żgħażagħ jidhru armati b’baseball bat jew kanna tal-ħadid:


Wara li ħriġna din l-istorja, Net News saħansitra rċieva telefonata mingħand omm l-aħwa, li ssir riferenza għalihom, fejn ordnatilna nneħħu l-istorja inkella “mmur għand is-Super 1.”

Iżda minkejja li l-Pulizija kienu jafu b’dak kollu li rrappurtajna fl-aħbarijiet, u minkejja li kienu fil-pussess ukoll tar-recordings tat-theddid, din il-familja ma ngħatat l-ebda tip ta’ protezzjoni.

Dan wassal biex, madwar nofs siegħa li ħarġet l-aħbar, grupp ta’ erba’ aħwa u akkumpanjati minn żewġ żgħażagħ oħra, irħewlha lejn San Ġwann t’Għuxa, f’Bormla.

Armati b’kanna kbira tal-ħadid, huma qabdu jkissru kulma sabu quddiemhom, inkluż il-ħġieġ kollu li jagħti fuq barra, letterbox u saħansitra l-vettura taż-żagħżugħ. Dan apparti li waddbu xita ta’ fliexken tal-ħġieġ fuq ġewwa.

Malli xebgħu ikissru, wara numru ta’ minuti ta’ vjolenza ma tieqaf xejn, huma waddbu l-kanna tal-ħadid għal fuq ġewwa. Din niżlet fuq puschair li fih kien hemm tarbija.

Fortunatament it-tarbija ma ntlaqtitx direttament għaliex setgħet faċilment titlef ħajjitha. Fuq ġewwa kien hemm ukoll omm iż-żagħżugħ fil-mira ta’ din il-gang, li kawża ta’ dan l-attakk tinsab rikoverata fl-Isptar Mater Dei bi ġrieħi ħfief.

Minuti wara intervjeniet il-Pulizija, iżda ż-żgħażagħ kollha kienu ħarbu mill-post. Huma nġabru ftit tal-ħim wara, inkluż bl-arrest tal-erba’ aħwa.

Malli l-Pulizija marru biex jarrestaw lil wieħed miż-żgħażagħ li akkumpanjaw lill-aħwa, fil-pussess tiegħu sabulu d-droga. Dan wassal biex ġiet sekwestrata wkoll il-vettura li kien qed jagħmel użu minnha. Dawn ilkoll mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Madankollu l-istorja mhux mistennija tieqaf hawn, anke għaliex l-aħwa imsemmija huma biss erba’ minn total ta’ tnax. Mhux eskluż għalhekk li l-fatt li ħuthom jitressqu l-Qorti jkollu riperkussjonijiet iktar serji fuq il-familja fil-mira tagħhom.

Minkejja dan, il-vittmi għadhom mingħajr protezzjoni u d-dar tagħhom lanqas biss tinsab mgħassa, avolja sidtha tinsab rikoverata l-isptar.

Net News għalhekk jistaqsi: Irid imut xi ħadd qabel tittieħed azzjoni konkreta?