Il-Gvern Malti nstab ħati li ddiskrimina mal-Pulizija f’dak li għandu x’jaqsam mal-liġi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Fid-dawl ta’ dan il-Gvern Malti ġie mġiegħel mill-Kummissjoni Ewropea biex jirranġa anomalija fil-liġi li huwa implimenta mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post ix-Xogħol.
Dan għax il-liġi kif implimentata mill-Gvern Malti fissret li kienet tkopri kull ħaddiem Malti għajr lill-uffiċjali tal-Korp.
Kienet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija, l-MPA, li ressqet ilment mal-Kummissjoni Ewropea lura fl-1 t’Ottubru tal-2016.
Hekk kif illum l-MPA ngħatat raġun, Net News tkellem ma’ Johann Mifsud, Segretarju Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni:
“Meta konna sirna Union konna kellimna lill-Gvern biex dina l-liġi tinbidel u tinkludi lill-membri tal-Korp tal-Pulizija fiha. Aħna rajnieha inġusta li tinkludi lil kulħadd però lill-Korp tal-Pulizija eskludietu. Dak iż-żmien ma konniex wasalna mal-Gvern u konna ressaqna lment mal-Kummissjoni Ewropea fl-2016. Ftit tal-ġimgħat ilu, irċievejna mill-Kummissjoni Ewropea li obligat lill-Gvern jibdel il-liġi biex issa ġejna inklużi fil-liġi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.”
Dan in-nuqqas kien qed iwassal sabiex id-drittijiet tal-Membri tal-Korp tal-Pulizija jkunu serjament preġudikati fejn tidħol saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
Dan hekk kif sew l-obbligi ta’ min iħaddem kif ukoll il-protezzjoni li toffri l-Awtorita’ kompetenti f’dan il-qasam ma kienux disponibbli għall-Pulizija.
“Bħala Pulizija ma naħdmux ġo uffiċċju wieħed iżda naħdmu kullimkien, iġifieri jista’ jkun fl-Għassa, barra mill-Għassa u jista’ jkun id-Depot. Waqt il-ħin tax-xogħol tiegħu, din il-liġi issa tkoprieh.”
B’din ir-rebħa, l-MPA rnexxielha din il-bidla sostanzjali biex b’hekk, f’każ ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol tal-Pulizija, jista’ jintalab l-intervent tal-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
//= $special ?>