Lokali

Il-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

“Ma kinitx sena faċli, kienet sena fejn pajjiżna għadda minn ħafna u għadu għaddej minn ħafna mumenti diffiċli fejn dak kollu illi jiddeskrivi n-normalità f’pajjiżna ġie mhedded u mheżżeż u lkoll kemm aħna qed nippruvaw naraw kif insibu t-tama li nimxu ‘l quddiem.” Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-messaġġ tiegħu għall-ewwel tas-sena.

Il-Kap tal-PN qal li meta niġu biex nitħaddtu fl-aħħar tas-sena niflu, naraw, neżaminaw, inqisu u niżnu dak kollu li ġara f’din is-sena. Iżda issa jrid ikollna l-abbiltà li mhux biss bħala nazzjon, imma bħala poplu, bħala Maltin, bħala Għawdxin u bħala barranin li jgħixu f’pajjiżna, niġu flimkien biex l-inċertezzi u d-dubji li kellna, dak kollu li konna imdorrijin fih, li kienet in-normalità tagħna u li ġiet prattikament imkissra, nerġgħu nibdew nibnuh mill-ġdid.

U dan hu l-awguri tal-Kap tal-PN, li jkollna l-abbiltà li l-politika nużawha biss għas-servizz tan-nies, ninżgħu dak kollu li jifridna, naħdmu u nibnu fuq dak kollu li jgħaqqadna, filwaqt li nirrikonoxxu fejn kien ħażin.

Dawk kollha li b’xi mod jew ieħor iridu jerfgħu r-responsabbiltà jridu jerfgħuha mhux għalihom infushom biss iżda għal pajjiżna, jgħarrfu dak li għamlu u jħarsu ‘l quddiem biex b’rikonoxximent ta’ dak li sar isibu t-tifsira ta’ fejn jistgħu jagħtu lil pajjiż, inkunu kapaċi nibdew inħarsu ‘l quddiem mhux biex naraw kif nistgħu nieħdu minn din Malta tagħna imma biex nagħtu, temm jgħid Adrian Delia.