L-ajruplani u l-bastimenti tal-militar Awstraljan qed ikunu stazzjonati biex jgħinu lis-servizzi li qegħdin jikkumbattu lin-nirien inkontrollabbli fl-Istati ta’ Victoria u New South Wales. Dan meta l-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison u l-Ministru tad-Difiża tal-Awstralja, Linda Reynolds, qablu dwar l-appoġġ militari għal din l-emerġenza kbira, wara t-talba speċifika mingħand il-Gvern ta’ Victoria.
Il-kriżi tan-nirien – li ilha l-ġimgħat u li hi fost l-agħar fl-istorja moderna tal-Awstralja – irrankat fl-aħħar sigħat, bil-fjammi jinfirxu miz-zoni ta’ foresta lejn bnadi oħra. L-emerġenza tant hi kbira li eluf ta’ nies kienu kostretti jaħarbu lejn il-bajjiet ta’ Victoria u New South Wales waqt li n-nirien komplew javanzaw lejn il-komunitajiet tagħhom.
Tal-anqas 4,000 persuna fittxew il-kenn min-nirien fl-artijiet tal-kosta f’Mallacoota, fl-Istat ta’ Victoria. Dan meta tal-anqas żewġ persuni oħra kienu kkonfermati mejtin fost in-nirien f’New South Wales, bl-ammont ta’ mejtin ikkonfermati (b’konnessjoni man-nirien) issa jitla’ għal tnax.
L-awtoritajiet, fl-aħħar sigħat, qalu wkoll li kien hemm numru ta’ persuni neqsin fl-Istati ta’ New South Wales u Victoria.
Intant, is-sorsi qrib is-Servizzi Rurali għall-Emerġenzi fi New South Wales ikkonfermaw li eluf ta’ nies imlew iz-zoni viċin il-kosta fost it-tentattivi biex jaħarbu mill-fjammi.
Dan meta l-kelliema qalu li ‘il-bajjiet qegħdin jidhru bħala l-aħjar refuġju fiċ-ċirkustanzi’, meta din hi wkoll ‘l-agħar esperjenza ta’ nirien’ li qatt kellhom jiffaċċjaw ir-residenti fi New South Wales.
//= $special ?>