Sport Sport Ieħor

Kei Nishikori se jitlef l-Open tal-Awstralja

(Ritratt: EPA)

Is-sid numru 13 fid-dinja Kei Nishikori  mhux se jilgħab fl-Open tal-Awstralja x-xahar id-dieħel hekk kif għadu jrid jirkupra minn operazzjoni fil-minkeb tal-lemin f’Ottubru li għadda. Il-Ġappuniż ta’ 30 sena, lagħab l-aħħar fit-tielet rawnd tal-Open tal-Istati Uniti fejn kien megħlub minn Alex de Minaur. Hu se jitlef l-ATP Cup fl-Awstralja ftit jiem oħra.

“Flimkien mat-tim tiegħi, ħadna din id-deċiżjoni għaliex għadni mhux 100% lest jew fiżikament tajjeb biex nikkompeti fl-ogħla livell. Id-deċiżjoni ma kinitx faċli għaliex l-Awstralja hu wieħed mill-postijiet favoriti tiegħi biex nikkompeti. Flimkien mat-tim tiegħi, se nkompli naħdem biex nirritorna kemm jista’ jkun malajr,” qal Nishikori fi stqarrija.

L-aħbar ta’ Nishikori ssegwi dik ta’ Andy Murray li wkoll irtira mill-ewwel Grand Slam tas-sena. Yoshihito Nishioka se jieħu post Nishikori bħala tennist Ġappuniż fl-ATP Cup li tibda l-Ġimgħa. Il-Ġappuniżi jinsabu fi Grupp B kontra Spanja, Georgia u l-Urugwaj. L-Open tal-Awstralja jibda fl-20 ta’ Jannar.