Internazzjonali

L-Iraq: Dimostranti rrabjati jattakkaw l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Bagdad

Folol ta’ dimostranti rrabjati għall-aħħar offensiva mill-qawwiet tal-ajru Amerikani fuq il-milizji appoġġjati mill-Iran (fl-artijiet tal-Iraq) attakkaw il-kumpless tal-ambaxxata tal-Istati Uniti, f’Bagdad.

It-truppi Amerikani fl-inħawi sparaw il-gass tad-dmugħ biex iferrxu lill-folol li għaddew minn ħajt ta’ madwar il-kumpless li jinsab fiz-Zona l-Ħadra fortifikata (fejn hemm is-sede diplomatiċi tal-pajjiżi barranin) fil-kapitali. Fl-eqqel tal-inkwiet ingħata n-nar lil waħda mit-torrijiet għall-gwardjani fis-sit partikulari.

Ir-rabja tal-folol kienet relatata għall-offensiva tal-Ħadd fejn il-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti bumbardjaw bażijiet — fl-Iraq u fis-Sirja — li huma assoċjati mal-grupp tal-Kataib Hezbollah. L-Amerikani qed iwaħħlu fil-milizji għal attakk bir-rokits li sar nhar il-Ġimgħa fuq bażi militari tal-Iraqqin f’Kirkuk u li fih kien inqatel kuntrattur ċivili mill-Istati Uniti.

Sadattant, il-Prim Ministru tal-Iraq, Adel Abdul Mahdi, qal li l-attakki mill-ajru min-naħa tal-Amerikani abbużaw is-sovranità ta’ pajjiżu. Dan meta Mahdi sostna li l-Iraq, b’hekk, se jkun sfurzat li jirrevedi r-relazzjonijiet tiegħu mal-Istati Uniti.

Il-kmandant tal-Kataib Hezbollah, Abu Mahdi al-Muhandis, wissa li l-grupp armat tiegħu se jirreaġġixxi għall-offensiva u li ‘il-qawwiet Amerikani fl-Iraq se jbatu bil-kbir mill-azzjonijiet (tal-grupp) li qed jitħejjew fl-Iraq.’

L-Iran, min-naħa tiegħu, fisser l-offensiva tal-Ħadd mill-Amerikani bħala ‘eżempju ċar ta’ terroriżmu’.

Il-protesti f’Bagdad seħħew wara li saru l-funerali (fil-kapitali) għall-ġellieda mal-milizja li tilfu ħajjithom fl-attakki tal-Amerikani. Intant, eluf ta’ nies, fosthom kapijiet tal-milizji u l-gruppi paramilitari appoġġjati mill-Iran, immarċjaw lejn iz-Zona l-Ħadra fejn hemm numru ta’ uffiċini tal-Gvern Iraqi, flimkien mal-ambaxxati.

Il-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin ħallew lin-nies jidħlu fiz-Zona l-Ħadra u jinġabru barra l-Ambaxxata Amerikana – bil-folol jgħajjtu slogans anti-Amerikani u jgaraw il-ġebel kontra l-bieb prinċipali tal-kumpless. Imbagħad, il-folol, fost it-tkissir tal-kameras tas-sigurtà, attakkaw il-pożizzjonijiet tal-gwardjani li kienu vojta u fejn tqabbdu diversi nirien – bis-sitwazzjoni teskala meta n-nies bdew għaddejjin mill-ħajt ta’ quddiem l-ambaxxata.

Il-folol – ikkalkulati mal-mijiet – imbagħad irtiraw minn passaġġ li jwassal għall-bini prinċipali tal-Ambaxxata wara li t-truppi Amerikani sparawlhom il-gass tad-dmugħ. Ma kienx ċar jekk, dak il-ħin, setax kien hemm il-membri tal-istaff fl-ambaxxata – b’rapporti mhumiex ikkonfermati jgħidu li l-Ambaxxatur innifsu kien spiċċa evakwat qabel l-inkwiet laħaq irranka.