Lokali

L-obbligazzjoni ta’ Joseph Muscat hija lejn il-poplu

Meta Joseph Muscat qal li ma kellu l-ebda obbligazzjoni lejn ħadd qed juri biċ-ċar li nesa l-ġurament li għamel meta sar Prim Ministru li jaqdi dmirijietu bl-aħjar mod lejn ir-Repubblika fl-aqwa interess tal-poplu kollu.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat hu obbligat lejn il-poplu iżda minflok baqa’ jinsisti li jiddefendi lil dawk l-eqreb tiegħu, li llum aktar minn qatt qabel ħareġ biċ-ċar li għandhom ħbiberiji personali mal-kriminalità li spiċċat biex ħakmet Kastilja.

Joseph Muscat naqas mill-obbligu tiegħu li jħares l-aqwa interessi tal-poplu u minflok approva l-bini ta’ power station, li ma tiswa għal xejn ħlief monument tal-korruzzjoni biex minnha jgawdu sid il-kumpanija 17 Black, l-eks Chief of Staff tiegħu u l-eks Ministru Konrad Mizzi; ta bix-xejn tliet sptarijiet tal-poplu lil Vitals li ħarbu b’€50 miljun, baqa’ jirreżisti rapporti internazzjonali li kkundannawh, kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna li tant stinkaw għaliha l-ħaddiema u l-familji u issa se jibqa’ jippersisti li jibqa’ Prim Ministru care taker meta kellu jitlaq immedjatament biex ma jkunx hemm iżjed xi forma ta’ indħil jew pressjoni fuq l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin relatati mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Għal dawn in-nuqqasijiet kollha u l-każijiet ta’ korruzzjoni li saru taħt it-tmexxija tiegħu, l-gvern ta’ Joseph Muscat se jibqa’ mfakkar bħala l-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna. Joseph Muscat obbligat u kif.