Sport Sport Ieħor

Membri ta’ Porsche Club Malta iferrħu lit-tfal rikoverati f’Mater Dei

Madwar 40 sewwieq membru ta’ Porsche Club Malta, il-Ħadd filgħodu ltaqgħu fil-parkeġġ numru sitta tal-Università ta’ Malta għal għan nobbli. Is-sewwieqa ta’ diversi mudelli Porsche, kellhom l-iskop biex fil-jiem ta’ festi, apparti d-donazzjoni lil Puttinu Cares, joffru l-ħin u l-vetturi tagħhom lit-tfal li bħalissa jinsabu rikoverati fl-isptar Mater Dei.

Total ta’ 36 tifel u tifla gawdew minn din l-esperjenza unika u permezz ta’ diversi sponsors, it-tfal ingħataw ukoll numru ta’ rigali. Id-dawra li bdiet mill-Università, ħadiethom lejn l-Imrieħel, Ħ’Attard, l-Imġarr, Għajn Tuffieħa, San Pawl il-Baħar u spiċċat fejn l-Aquarium Nazzjonali fil-Qawra. Hemm it-tfal u l-familji tagħhom kienu l-mistiedna speċjali tal-proprjetarji u l-ħaddiema tal-Aquarium Nazzjonali.

Il-President ta’ Porsche Club Malta Andrew Spiteri, qal li din kienet it-tieni sena li saret l-attività u rringrazzja lil Puttinu tax-xogħol siewi u nobbli li jagħmlu. Spiteri appella biex il-poplu jkun ġeneruż u esprima wkoll li saħansitra membru tagħhom li s-sena l-oħra kien fl-attività, spiċċa biex qed jagħmel użu mis-servizz ta’ Puttinu Cares.