Lokali

Muscat imgiddeb għaldarboħra dwar l-arloġġ

L-ebda arlogg tal-Bvlgari għal ħaddieħor kif prova jallega

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, fl-aħħar jiem tiegħu f’din il-kariga, inkixef li kien irċieva għad ta’ rigali li jiswew l-eluf mingħand Yorgen Fenech, li bħalissa jinsab akkużat b’komplita fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fost dawn ir-rigali kien hemm arloġġ tad-ditta prestiġjuża Bvlgari. Arloġġ li kien wieħed minn ftit li nħadmu speċifikament bħala tifkira €20,000. Il-valur eżatt ta’ dan l-arloġġ illum mhux magħruf, iżda hu mifhum li l-arloġġ issa għola ferm fil-valur tiegħu.

L-aħbar li Muscat kien irċieva dan ir-rigal mingħand Fenech ħarġet lejliet il-Milied, u minkejja li issa għaddew tmint ijiem, Muscat baqa’ qatt ma ċaħad li rċieva dan l-arloġġ. L-unika ħaġa li qal dwar dan l-arloġġ kienet li hu kien tah lill-istat. Jiġifieri Muscat ammetta li r-rigal kien irċevih.

L-arlogg ingħata lil Muscat fl-istess żmien meta kienu qed isiru n-negozjati dwar il-Powerstation il-ġdida. Powerstation li l-kuntratt tagħha eventwalment ingħata lill-Electrogas, li tagħha kien direttur l-istess Yorgen Fenech.

Intant, fl-aħħar sigħat Muscat allega li t-tim li ħadem biex pajjizna daħal fl-Unjoni Ewropea wkoll irċieva arloġġ bħal tiegħu.

Iżda dwar din l-allegazzjoni, s-sit Lovin Malta staqsa lil dawk konċernati jekk hux vera dak li qed jgħid issa l-Prim Ministru, bin-negozjatur ewlieni għad-dħul ta’ pajjiżna fl-UE, Richard Cachia Caruana, u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jiċħdu kategorikament din l-istqarrija.

Il-familja tal-President Emeritus Eddie Fenech Adami qalu li ma jafux b’arloġġ ta’ dan it-tip, filwaqt li sorsi qrib ferm tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi ukoll caħdu li huwa rċieva arloġġi bħala rigali.

L-ewwel Kummissarju Malti għall-Unjoni Ewropea Joe Borg ukoll caħad.

Joseph Muscat għamel din l-istqarrija fuq ir-radju tal-Partit Laburista fejn qal li t-tim kollu involut fld-dħul fl-UE ingħata arloġġ. Izda mistoqsi mill-istess sit biex jiċċara din l-allegazzjoni, Muscat baqa’ ma weġibx.

Minbarra dan l-arloġġ lussuż, Muscat ingħata wkoll inbejjed fini li jiswew l-eluf mill-istess Fenech. Mhux magħruf jekk dawn inxtorbux jew ingħatawx lill-istat.

Sadanittant, jumejn wara li ħarġet l-aħbar dwar l-arloġġ, Muscat mar btala ta’ tlett ijiem mal-familja f’Dubai, li l-biljetti tal-ajru biss swew madwar €21,000. U meta kien għadu fl-ajru fi triqtu lura lejn pajjiżna, ħarġet l-aħbar li Muscat kien ir-rebbieħ tat-titlu tal-personalita tas-sena għall-korruzzjoni u l-kriminalità, biex b’hekk ingħaqad ma lista ta’ mexxejja oħrajn li kisbu dan l-unur xejn presiġġjuż, fosthom Vladimir Putin u Ilham Aliyev.