Lokali

“Patri Prospero Grech ħalla legat imprezzabbli”

Il-Legat ewlieni tal-Kardinal Prospero Grech hu l-Istitut Patristiku Agostinjan f’Ruma li twaqqaf minnu, flimkien ma’ Fr Agostino Trape’, ħamsin sena ilu. Patri Prospero Grech kien l-ewwel Dekan ta’ dan l-Istitut bejn l-1971 u l-1979. Hu kompla jgħallem numru ta’ korsijiet fl-Istitut sal-2013, sena wara li kien inħatar Kardinal mill-Papa Benedittu XVI.

Net News tkellem ma’ Fr Jonathan Farrugia, lettur fil-fakulta’ tat-Teoloġija fl-Universita’ ta’ Malta u l-ewwel akkademiku Malti li temm Dottorat fl-Istitut imwaqqaf mill-Kardinal Grech.

Mistoqsi jiftakar l-ewwel impressjoni tiegħu tal-Kardinal Grech. Fr Jonathan Farrugia qal li l-iktar li laqtu kien li Patri Grech l-affarijiet kien jgħidhom kif inhuma u kien ukoll wieħed mill-iktar disponibbli fost l-akkademiċi fl-Istitut.

Fr Farrugia jiftakar ukoll kif fl-okkazjoni ta’ anniversarju tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm, hu kien intervista lil Patri Prospero fuq xi kotba li kien kiteb meta Dun Karm kienu għadu ħaj. Qal li dakinhar kien laqtu wkoll l-għajn għad-dettall li kellu Patri Prospero, li fost it-talenti vasti tiegħu, kien ukoll fotografu.

L-elevazzjoni ta’ Patri Prospero għal Kardinal ġrat fiż-żmien meta Fr Farrugia kien għaddej bl-istudji tiegħu f’Ruma. Mistoqsi x’bidla kien hemm meta sar Kardinal, Fr Jonathan Farrugia qal li l-Kardinal xorta baqa’ l-istess persuna disponibbli b’karattru ċajtier. L-iktar bidla li tatu ġewwa kienet li issa li laħaq Kardinal ma setax juża iktar il-mutur u kien limitat li jdur bih fil-konfini tal-Universita’.

Legat ieħor tal-Kardinal Prospero hi l-pubblikazzjonijiet u x-xogħol akkademiku tiegħu. L-ispeċjalizzazzjoni ta’ Prospero Grech kienet it-teoloġija fi żmien patristiku, l-ewwel żewġ sekli tar-reliġjon nisranija. Effettivament dawn huma l-għeruq tal-fidi nisranija.C

Fr Farrugia qal li l-isfidi li kienu jiffaċċjaw l-ewwel insara, jistgħu jgħinu biex il-Knisja moderna tiffaċċja l-isfidi tas-seklu 21.