L-aġent ta’ Paul Pogba, Mino Raiola, qal li qalb il-midfielder hi ma’ Manchester United iżda żied li għandu bżonn jilgħab f’tim li hu kapaċi jirbaħ l-unuri. Pogba li rritorna ma’ Manchester United mingħand Juventus fl-2016, ammetta f’Ġunju li kien qed jikkunsidra jħalli Old Trafford għal sfida ġdida.
Raiola żied xahar wara li kien fi proċess li jsib klabb ġdid għal Pogba, iżda l-plejer ta’ 26 sena baqa’ ma’ United u Ole Gunnar Solskjaer qal dan ix-xahar li l-plejer mhux se jħalli l-klabb fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar.
Mistoqsi jekk hu u Pogba kinux kuntenti bis-sitwazzjoni, Raiola qal lil Sky Sports fl-Ingilterra b’mod esklussiv li “Paul dejjem irrispetta lil Manchester United, sakemm Manchester United irrispettaw lil Paul. L-unika wieħed li jitkellem għal Mancester United u Paul hu Ole. Jien nimxi ma’ dak li jgħid li mhux se jiċċaqlaq.”
L-aġent tal-Franċiż kompla li Pogba qed ibati ftit bl-injury fl-għaksa u saħaq li dak hu l-interess prinċipali tagħhom bħalissa. “Hu professjonali u naħseb li qalbu hi fl-aħjar post ma’ Manchester United,” żied Raiola.
Iżda Raiola, li hu l-aġent ukoll ta’ plejers bħal Zlatan Ibrahimovic, Matthijs de Ligt u Erling Braut Haaland, wissa li l-futur ta’ Pogba jista’ jkun inċert li jekk Manchester United ikomplu jbatu biex jikkompetu mal-aqwa timijet fl-Ewropa.
Hu żied li jara lil Pogba mar-Red Devils fi żmien sena iżda jittama li l-klabb jissielet għar-rebħ tal-kampjonat u jittama għaċ-Champions League. “Sakemm Paul hu ma’ Manchester United, irid jirbaħ it-trofej mal-klabb. Dak hu t-tip ta’ plejer li hu u mhux se jaġixxi differenti.”
Raiola żvela wkoll li qatt ma tkellem mal-manager Ole Gunnar Solskjaer u kompla li jekk hu għandu xi ideat fuq Pogba u jrid ikellmu, jaf in-numru tiegħu. “Sa dak il-mument nitkellem ma’ Ed Woodward għaliex dak hu l-persuna li nkellem fil-klabb,” temm jgħid Mino Raiola.
//= $special ?>

