Lokali

Festa ta’ ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza

Fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi llum qed issir festa ta’ ġenerożità fejn qed jinġabru fondi biex din id-Dar ikollha l-finanzi meħtieġa ħalli tkompli toffri s-servizzi residenzjali li ilha toffri għal aktar minn 25 sena lil persuni b’diżabbiltà.

Waqt din il-Maratona qed tiġi esebita relikwa ta’ parti mil-garża tal-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II meta ġie attakkat fl-1981.

Matul din il-Festa ta’ Ġenerożità, li qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni – fosthom NET Television, minbarra d-donazzjonijiet tal-pubbliku, qed issir ukoll esebizzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti li aktar tard din is-sena se jkunu rkantati.

Ix-xandira bdiet fid-9 ta’ dalgħodu b’Quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna fil-Kappella tad-Dar, bil-Maratona tibqa’ sejra sa nofsillejl.

Wieħed jista’ jċempel jew iżur id-Dar biex jagħti d-donazzjoni tiegħu u jgawdi l-atmosfera u l-ispettaklu tal-Festa ta’ Ġenerożità.