Lokali

Il-Pulizija tressaq uħud minn dawk li attakkaw residenza f’Marsaskala

Tliet persuni nżammu arrestati u tnejn oħra ġew liberati fuq numru ta’ kundizzjonijiet u taħt garanzija personali wara l-attakk tat-Tnejn filgħaxija f’Marsaskala.

Kif żvela Net News fl-aħħar jiem, kollox beda wara li żagħżugħ minn Bormla li jinsab fil-mira tagħhom ġie akkużat minn grupp t’aħwa u sħabhom li kixef lil wieħed minnhom f’serqa minn karozza.

Minn hawn bdiet sensiela ta’ theddid fil-konfront taż-żagħżugħ u ommu.

Imbagħad daru għall-azzjoni. Il-Ġimgħa, żagħżugħ mill-erbgħa saq b’veloċità eċċessiva fi triq mimlija tfal, u pponta lejn residenza ta’ qariba taż-żagħżugħ.

Wara nofsinhar iż-żgħażagħ, fosthom tliet aħwa li wieħed minnhom għadu taħt l-eta’ marru fl-inħawi ta’ San Ġwann t’Għuxa biex jaffrontaw liż-żagħżugħ l-ieħor. F’mument minnhom, wieħed miż-żgħażagħ imur għal baseball bat biex iħebb għalih.

L-għada, reġgħu marru għalih, waddbulu l-pepper spray u kissrulu karozza, fost oħrajn bit-twaddib tal-ġebel u d-daqqiet tas-sieq.

Fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, ir-residenti ta’ San Ġwann t’Għuxa spiċċaw imqajma wara li ngħata n-nar lil żewġ vetturi taż-żagħżugħ li ġie aggredit.

Wara li Net News irrapporta din l-aħbar, jumejn ilu, grupp ta’ erba’ aħwa akkumpanjati minn żewġ żgħażagħ oħra, irħewlha lejn ir-residenza ta’ omm iż-żagħżugħ, f’Marsaskala.

Armati b’kanna kbira tal-ħadid, huma qabdu jkissru kulma sabu quddiemhom, inkluż il-ħġieġ kollu li jagħti fuq barra, letterbox u saħansitra l-vettura taż-żagħżugħ. Dan apparti li waddbu xita ta’ fliexken tal-ħġieġ fuq ġewwa.

Malli xebgħu ikissru, wara numru ta’ minuti ta’ vjolenza ma tieqaf xejn, huma waddbu l-kanna tal-ħadid għal fuq ġewwa. Din niżlet fuq puschair li fih kien hemm tarbija.

Omm iż-żagħżugħ għadha rikoverata fl-Isptar Mater Dei fejn qed tingħata l-kura għal ġrieħi li ġarrbet f’dan l-attakk.Eventwalment iż-żgħażagħ ġew arretastati u wħud minnhom tressqu l-Qorti t-Tlieta wara nofsinhar. Mill-inqas wieħed minnhom qed jaffaċċja wkoll akkużi ta’ pussess ta’ droga, waqt li oħrajn kisru l-kundizzjonijiet ta’  sentenzi preċedenti.

Tags