Lokali

AĠĠORNATA: Imħarrka 69 persuna waqt spezzjonijiet tat-traffiku… 2 persuni taħt l-effett tal-alkoħol

Matul il-lejl li għadda, membri mis-sezzjoni tat-Traffiku flimkien mal-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Klieb, wettqu diversi kontrolli fit-toroq Maltin.

Waqt dawn il-kontrolli, li saru f’diversi nħawi fosthom il-Furjana, Ħ’Attard, tas-Sliema, Burmarrad, San Ġiljan, is-Swieqi, ir-Rabat, iż-Żejtun, il-Fgura, San Ġwann u Ħaż-Żabbar, ġew spezzjonati numru ta’ vetturi u ġew imħarrka 52 persuna.

L-imsemmija persuni ġew imħarrka minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku li jinkludu sewqan mingħajr liċenzja valida u mingħajr polza tal-assigurazzjoni, sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurta, sewqan b’veloċita eċċesiva, dwal mhux skond il-liġi, użu ta’ telefon ċellulari waqt is-sewqan, vetturi bit-tinted glass, vetturi mingħajr numru tar-reġistrazzjoni u sewwieqa tat-transport tal-passiġġieri ma kellomx il-permessi meħtieġa minn Transport Malta fost diversi ksur ta’ regolamenti oħra.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet ta’ matul il-lejl ma nstabet l-ebda persuna li kienet qed issuq vettura taħt l-effett tal-alkoħol.

Kmieni dalgħodu komplew l-ispezzjonijiet tat-traffiku madwar Malta. Waqt dawn il-kontrolli ġew spezzjonati numru ta’ vetturi u ġew imħarrka 17-il persuna oħra minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku li jinkludu sewqan perikoluż, sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurta, sewqan mingħajr liċenzja valida, vetturi bit-tinted glass u tnejn instabu li qed issuqu taħt l-influwenza tal-alkoħol, fost diversi ksur ta’ regolamenti oħra.

Xufier minnhom ipprova jaħrab meta ġie ordnat biex jieqaf imma twaqqaf ftit wara permezz t’azzjoni immedjata mill-Pulizija.