Futbol Sport

Mikel Arteta jfittex l-ewwel rebħa bħala manager ta’ Arsenal mat-tielet tentattiv

(Ritratt: EPA)

Is-sena 2019 ftit kienet pożittiva għal Arsenal u Manchester United u għalhekk qed iħarsu lejn is-sena l-ġdida biex idawru l-paġna u jkollhom tmiem ta’ staġun pożittiv. Fil-preżent, Arsenal jinsabu fit-12-il post u jinsabu aktar viċin lejn l-aħħar tlieta milli għar-raba’ post.

Il-manager il-ġdid ta’ Arsenal Mikel Arteta qed jimmira li jikseb l-ewwel rebħa wara li fl-ewwel żewġ ħarġiet huma spiċċaw draw kontra Bournemouth u tilfu kontra Chelsea. Manchester United temmew sena pjuttost diffiċli b’żewġ rebħiet konsekuttivi kontra Newcastle u Burnley li bihom temmew is-sena fil-ħames post. Bħalissa huma jinsabu erba’ punti taħt Chelsea.

Arsenal jittamaw li jkomplu r-rekord pożittiv fl-Ewwel tas-Sena hekk kif hu l-aktar tim li rebaħ logħbiet tal-Premier League fil-bidu tas-sena b’total ta’ disa’ rebħiet. Aktar minn hekk, Pierre-Emerick Aubameyang jista’ jsir l-ewwel plejer ta’ Arsenal li jiskorja tliet logħbiet konsekuttivi fil-Premier League kontra Manchester United minn żmien Thierry Henry f’Novembru tal-2001.

Arteta jittama li d-difensur Calum Chambers jirkupra wara li weġġa’ fl-aħħar logħba filwaqt li Granit Xhaka jinsab ukoll dubjuż. Iżda l-Ispanjol jittama li jirkupra xi ħadd minn Sokratis Papastathopoulos, Gabriel Martinelli, Hector Bellerin, Rob Holding, Dani Ceballos filwaqt li Sead Kolasinac u Kieran Tierney żgur se jitilfu l-konfront.

Paul Pogba mistenni li jirritorna għal Manchester United wara li tilef il-konfront kontra Burnley. Scott McTominay għadu qed jirkupra mill-injury fl-irkoppa filwaqt li Eric Bailly, Tim Fosu-Mensah u Diogo Dalot qed jersqu lejn jirritornaw.

Fost il-konfronti l-oħra, jispikka dak fl-Etihad Stadium bejn Manchester City u Everton. Iċ-champions Ingliżi qed jittamaw li jaqbżu fit-tieni post filwaqt li Everton ġejjin minn ħames logħbiet mingħajr telfa, fosthom l-aħħar żewġ rebħiet konsekuttivi taħt Carlo Ancelotti.

Rebħa għal City tfisser li għall-ewwel darba jkunu rebħu ħames logħbiet konsekuttivi fil-Premier League kontra t-Toffees. Everton fuq in-naħa l-oħra se jippruvaw li jirbħu żewġ logħbiet konsekuttivi barra minn darhom għall-ewwel darba minn Settembru tal-2016.

Guardiola se jkollu lura lill-gowlkiper Ederson filwaqt li l-attakkant Gabriel Jesus jista’ jirkupra wara li kien ma jiflaħx. David Silva u John Stones huma dubjużi iżda Aymeric Laporte u Leroy Sane għadu mweġġgħin. Ancelotti se jkun mingħajr Morgan Schneiderlin, Alex Iwobi, Jean-Philippe Gbamin u Andrè Gomes.

Premier League

Illum: Brighton v Chelsea 1.30pm, Burnley v Aston Villa 1.30pm, Newcastle v Leicester 4.00pm, Southampton v Tottenham 4.00pm, Watford v Wolves 4.00pm, Manchester City v Everton 6.30pm, Norwich v Crystal Palace 6.30pm, West Ham v Bournemouth 6.30pm, Arsenal v Manchester United 9.00pm,Għada: Liverpool v Shef. United    9.00pm