Lokali

Muscat jerġa’ jinqabad iqarraq

Wara li ħataf il-Partit Laburista f’idejh u dawwru f’moviment li jġib ismu, wara biss seba’ snin Muscat issa qed ikun akkużat li qarraq b’dawk kollha ta’ madwaru u dawk li fdawh biex imexxi lil Malta.

Fl-aħħar jiem filfatt, jum wara l-ieħor, Joseph Muscat inqabad f’sensiela ta’ gideb.

Fost l-oħrajn Muscat … ħeba l-ħbiberija tiegħu ma’ Yorgen Fenech tant li stiednu għal riċeviment esklussiv ta’ għeluq sninu.

Ħeba li għas-safra ma’ Keith Schembri, għat-tieġ tas-sid tal-Bank Pilatus, kien hemm ukoll l-imprenditur Yorgen Fenech.

Muscat ħeba wkoll diversi rigali li rċieva matul iż-żewġ leġislaturi u li jiswew l-eluf ta’ ewro, fosthom arloġġ li kien jiswa’ €20,000 u llum jiswa’ ferm iktar u sett inbid ta’ valur ta’ madwar €5,800.

Meta nqabad, Muscat ipprova jwaħħal fil-Prim Ministru ta’ qablu u qal li qatt ma sab reġistru tar-rigal. Sal-għada kien diġa mgiddeb meta ġie ppubblikat reġistru tar-rigali sa lejliet l-elezzjoni tal-2013.

Imbagħad reġa’ vvinta skuża oħra u allega li t-tim li ħadem biex pajjizna daħal fl-Unjoni Ewropea wkoll irċieva arloġġ bħal tiegħu. Din kienet gidba wkoll – in-negozjatur ewlieni għad-dħul ta’ pajjiżna fl-UE, Richard Cachia Caruana, u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jiċħdu kategorikament din l-istqarrija. Il-familja tal-President Emeritus Eddie Fenech Adami qalu li ma jafux b’arloġġ ta’ dan it-tip, filwaqt li sorsi qrib ferm tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi ukoll caħdu li huwa rċieva arloġġi bħala rigali. L-ewwel Kummissarju Malti għall-Unjoni Ewropea Joe Borg ukoll caħad.

Iżda dan mhux kollox! Jidher li Muscat saħansitra qarraq bin-nies fuq il-midja soċjali. Filfatt għall-aħħar snin Muscat kien meqjus bħala l-iktar politikant Malti li kellu followers fuq il-profil tiegħu ta’ Twitter.

Madankollu s-sit LovinMalta kixef li iktar minn nofs tal-followers ta’ Muscat huma foloz u mixtrijin. Fil-fatt, minkejja li Muscat jidher li għandu 73,000 followers, fil-verità huma biss 33,749 follower li huma veri. Il-kumplament huma profili nħolqu apposta.


Ritratt: LovinMalta

Dan ifisser li 54% tal-followers tal-Prim Ministru Muscat huma kollha foloz. Għall-kuntrarju, 95% tal-followers tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia huma kollha ġenwini.

Ritratt: LovinMalta

Fil-fatt, il-persentaġġ ta’ Muscat hu meqjus bħala wieħed baxx ħafna metak kumparat ma’ politikanti Maltin oħra hekk kif fil-maġġoranza tagħhom jgħoddu iktar minn 90% ta’ followers ġenwini. Mhux talli hekk, anzi Muscat għandu iktar followers foloz fuq bażi ta’ persentaġġ mill għandhom politikanti internazzjonali, fosthom Donald Trump, Barack Obama, u Boris Johnson.