Lokali

Raġel iweġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident bil-mutur

L-isptar ġenerali ta' Għawdex - Mill-Arkivji

Raġel ta’ 57 sena weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident f’Għajnsielem, Għawdex. L-Inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar fi Triq l-Imġarr.

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Peugeot Partner misjuqa minn raġel ta’ 20 sena residenti s-Sannat, Għawdex u mutur Kymco misjuq minn raġel ta’ 57 sena residenti l-Munxar.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura meħtieġa. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.