Lokali

Festa ta’ Ġenerożita’ – tinġabar somma rekord ta’ iktar minn €1.3 miljun b’risq id-Dar tal-Providenza

Għal darb’oħra, il-poplu Malti beda s-sena l-ġdida billi ftakar f’dawk l-iktar vulnerabbli hekk kif fl-Ewwel tas-Sena, il-maratona annwali b’risq id-Dar tal-Providenza, ġabret somma rekord ta’ €1,365,556.

F’ġurnata mill-isbaħ, mijiet ta’ persuni marru fit-tinda li ttellgħet apposta fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi u taw id-donazzjoni tagħhom personalment. Eluf oħrajn offrew donazzjonijiet permezz tat-telefon u messaġġi. Barraminhekk, saret ġabra speċjali fil-parroċċi u l-knejjes madwar Malta u Għawdex waqt il-quddies.

F’messaġġ ta’ ringrazzjament fi tmiem il-Maratona, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef stqarr li m’għandux kliem biex jirringrazzja lill-poplu Malti għall-ġenerożita’ tiegħu. Hu wiegħed li se jsarraf din il-fiduċja f’iktar ħidma b’risq il-persuni b’diżabilita’ li jużaw is-servizzi tad-Dar tal-Providenza. Hu rringrazzja wkoll lil Alla għall-providenza tiegħu li ma tieqaf qatt.

Il-maratona tal-bieraħ kienet imxandra mit-tliet stazzjonijiet tat-televiżjoni ewlenin, fosthom Net Television. Ix-xandira bdiet bil-quddiesa fid-9a.m. u tul il-ġurnata itella’ programm sħiħ ta’ divertiment bis-sehem ta’ kantanti u mużiċisti ewlenin Maltin.