Internazzjonali

Ġermanja: Tliet nisa suspettati dwar nirien qattiela ġo zoo

Il-Pulizija Ġermaniża qed jissuspettaw f’omm u ż-żewġ uliedha nisa bħala l-kaġun tan-nirien li qabdu ġo zoo f’lejliet l-Ewwel tas-Sena u li rriżultaw fl-imwiet ta’ aktar minn 30 annimal – fosthom tipi ta’ xadini rari. L-inċident seħħ fil-belt ta’ Krefeld u r-rapporti qalu li n-nirien qabdu meta n-nisa telqu s-sky lanterns fl-inħawi. Is-sky lanterns huma tip ta’ fanali magħmulin mill-karta u xprunati b’nar żgħir li jtellagħhom ‘il fuq.

Intant, il-pulizija interrogaw lit-tliet nisa – kollha residenti ta’ Krefeld – b’dawn jgħidu li qed jiddispjaċihom ħafna għal dak li seħħ. Ir-rapporti qed jallegaw li n-nisa ma kenux jafu li s-sky lanterns, li kienu xtraw minn fuq l-Internet, huma projbiti fil-Ġermanja.

Fl-istess ħin, in-nisa huma suspettati li qabbdu n-nirien ‘minħabba negliġenza’ u jistgħu jeħlu multa inkella sentenza massima ta’ ħames snin ħabs.

In-nirien li qabdu b’konsegwenza ħakmu settur taz-zoo riservat għax-xadini (ape house) u fejn kien hemm numru ta’ orangutans u chimpanzees. Intant, kien ikkonfermat li fin-nirien mietu numru ta’ orangutans, flimkien ma’ chimpanzee u diversi xadini oħra.

Sar magħruf ukoll li tlieta fost il-ħames fanali li tqabbdu ( li jgħidulhom ukoll Flying Chinese Lanterns instabu qrib tal-ape house meqrud li l-istruttura tiegħu kienet inħadmet fuq replika tar-rainforest.