Futbol Sport

Ibrahimovic jasal f’Milan biex jibda t-tieni esperjenza tiegħu mar-Rossoneri

(Ritratt: EPA)

L-attakkant Zlatan Ibrahimovic wasal fl-ajruport ta’ Linate f’Milan il-Ħamis filgħodu biex jagħmel l-eżami mediku qabel jibda t-tieni esperjenza tiegħu ma’ Milan. L-Iżvediż iffirma kuntratt ta’ sitt xhur b’salarju ta’ €3.5 miljun, bl-għażla li l-kuntratt jiġġedded b’sena oħra.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, Ibrahimovic qal li jinsab ħerqan biex jara l-partitarji f’San Siro u jarahom fl-istadium jaqbżu bil-ferħ. Ibrahimovic li għandu 38 sena ġej minn esperjenza fl-Istati Uniti ma’ Los Angeles Galaxy u fis-sena u nofs li lagħab fl-Istati Uniti, skorja 53 gowl fi 58 logħba.

Ma’ Milan, Ibrahimovic lagħab għal żewġ staġuni u rebaħ is-Serie A fl-2011. Hu skorja 56 gowl f’85 logħba qabel ingħaqad ma’ Paris Saint-Germain fl-2012. Milan bħalissa jinsabu fil-11-il post fis-Serie A fejn skorjaw biss 16-il gowl fi 17-il logħba tal-kampjonat.