Internazzjonali

Il-konflitt fil-Libja: Id-deputati f’Ankara japprovaw li jintbagħtu t-truppi Torok

Il-Parlament tat-Turkija għadda abbozz li jippermetti biex il-Gvern jistazzjona s-suldati fil-Libja, bil-għan li dawn jintervjenu fil-konflitt ċivili li ilu għaddej ix-xhur fil-pajjiż Afrikan. L-abbozz għadda mill-Parlament f’Ankara bi 325 vot favur u 184 kontra.

It-Turkija hi alleata mal-Gvern tal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti u li għandu l-bażi tiegħu fi Tripli. Dan il-Gvern Libjan ilu minn April jirreżisti offensiva mill-qawwiet Libjani rivali tal-Armata tal-Lvant immexxija minn Khalifa Haftar.

Sadanittant, l-Eġittu, li qed jappoġġja lil Haftar, ikkundanna l-vot tat-Turkija biex tibgħat il-militar fil-Libja. Il-kelliema fil-Kajr sostnew li l-preżenza tat-truppi Torok fil-Libja ‘se taffettwa b’mod negattiv l-istabbilità fir-reġjun tal-Mediterran’.

Il-vot sar ftit jiem wara li l-President Tork Recep Tayyip Erdogan qal li kellu jfittex l-approvazzjoni mill-Parlament tiegħu ħalli jipprovdi għajnuna militari lill-Gvern ta’ Sarraj, wara li saret talba speċifika minn Tripli.

L-abbozz jippermetti wkoll għall-istazzjonar tat-truppi li ma jintużawx għall-kumbattimenti. Dawn kapaċi jaqdu s-sehem ta’ konsulenti għall-qawwiet tal-Gvern ta’ Sarraj minbarra li jieħdu ħsieb ukoll il-programmi għat-taħriġ tal-militar fi Tripli.