Benjamin Netanyahu jinsab akkużat b’tixħim, frodi u korruzzjoni
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu talab formalment lill-Parlament sabiex jagħtih immunita’ minn prosekuzzjoni kontrih f’akkużi ta’ korruzzjoni u tixħim.
F’Novembru li għadda, l-Avukat Ġenerali tal-pajjiż ressaq akkużi formali fil-konfront tal-Prim Ministru ta’ tixħim, frodi u korruzzjoni fi tliet każi separati. Hu jinsab akkużat li aċċetta rigali minn negozjanti sinjuri u li abbuża mill-pożizzjoni tiegħu billi għamel diversi pjaċiri biex ikollu rappurtaġġ pożittiv fil-gazzetti.
Hu għamel din it-talba permezz ta’ messaġġ fuq it-televiżjoni ftit siegħat qabel jintemm iż-żmien fejn seta’ jirrikorri għal din l-immunita’. Netanyahu għandu bżonn l-appoġġ tal-maġġoranza tad-Deputati fil-Knesset – il-Parlament Iżraeljan – sabiex jingħata l-immunita’.
Skont il-liġi Iżraeljana, l-immunita’ għal Deputat tal-Parlament mhix awtomatika, iżda tista’ tintalab lill-istess Parlament. F’każ li ssir talba bħal din, il-proċeduri fil-Qorti ma jistgħux jibdew qabel ikun hemm deċiżjoni fil-Parlament.
Iżda l-Parlament Iżraeljan bħalissa hu xolt hekk kif f’Marzu li ġej, il-pajjiż se jgħaddi mit-tielet elezzjoni ġenerali fi żmien sena.
//= $special ?>