Lokali

Il-poplu għadu qed jistenna risposti mill-Gvern dwar il-qtugħ tad-dawl

Il-PN jappella għal ħidma flimkien għal soluzzjonijiet fil-qasam tal-enerġija.

Il-Gvern qed jibqa’ jostor il-fatti kollha dwar x’wassal biex fl-aħħar jiem kellna rekord ta’ drabi fejn kellna nuqqas fil-provvista tal-elettriku.

Fi stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, il-Partit Nazzjonalista qal li kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne naqsu milli jispjegaw il-verità lill-poplu. Dan fl-istess waqt li l-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi qal li dawn huma affarijiet li jiġru, f’insult għall-poplu, li kien imwiegħed l-aqwa żmien u iżda spiċċa tradut.

Minflok, tenna l-Partit Nazzjonalista, il-Gvern inqeda b’ħaddiema ħabbrieka tal-Enemalta biex il-poplu jsir jaf parti mill-fatti. Għax wara li ngħad li ankra ta’ vapur laqtet u għamlet ħsara kbira fl-interconnector, kulħadd jaf li bit-teknoloġija moderna tal-lum, faċli wieħed ikun jaf liema vapur u x’ħin sar dan l-allegat inċident.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu għandu raġun jistaqsi jekk hemmx assikurazzjoni mill-Enemalta għal inċidenti simili u jekk ittieħdux passi kontra s-sidien tal-vapur. Dan hekk kif il-poplu llum fehem li l-Power Station ta’ Muscat, magħrufa bħala l-monument ta’ korruzzjoni, saret biss biex jinqdew nies li llum huma taħt investigazzjoni u li fetħu kumpaniji sigrieti minflok biex ikun servut il-poplu.

Il-poplu fehem li min kien iffukat kif se jaqla’ lira għalih u sħabu, nesa lill-poplu. Dan wassal biex illum qed inħallsu prezzijiet tal-gass li huma ogħla mill-bqija tal-Ewropa, frott ftehim korrott ta’ dan il-Gvern Laburista mal-Ażerbajġan.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tappella lill-korpi kostitwiti u lis-soċjetà ċivili biex tiddiskuti s-sitwazzjoni tal-enerġija f’pajjiżna għax jemmen li għandha tibda diskussjoni bis-serjetà għat tieni interconnector. Dan hekk kif l-impjant f’Ragusa kien sar bi pjan li jkun jista’ jieħu aktar minn interconnector wieħed.

Dan kien il-pjan fit-tul li kellu Gvern Nazzjonalista u għalhekk itenni l-appell biex flimkien naħdmu għal fondi Ewropej għat-tieni interconnector, kif sar għall-interconnector preżenti. Għax l-enerġija tal-interconnector mhux biss hi l-orħos, iżda wkoll l-aktar waħda nadifa. Dan flimkien ma’ sforz akbar għal enerġija alternattiva bi skemi ġodda u aktar attraenti.