Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, kellu jaqta’ fil-qasir żjara f’belt li nqerdet min-nirien wara li r-residenti lokali infexxew f’għadab kontra tiegħu minħabba r-reazzjoni tal-Gvern għall-emerġenza attwali.
Meta l-Awstralja qed tkompli tikkumbatti n-nirien qalb foresta storiċi, ir-residenti ta’ Cobargo, fi New South Wales, qalu li Morrison għamel ftit ferm biex jgħin is-sitwazzjoni fil-belt tagħhom, fejn, din il-ġimgħa, mietu żewġ persuni (b’kaġun tan-nirien) b’ħafna oħrajn jitilfu djarhom.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li mhux sorpriż li n-nies qegħdin jesprimu d-dwejjaq u l-emozzjonijiet tagħhom b’dan il-mod. Dan meta l-Prim Ministru ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian, iddikjarat stat ta’ emerġenza, effettiva għal ġimgħa, bi tweġiba għat-theddida tal-bushfires li aktar, kulma jmur, qed teskala.
Meta żar Cobargo fl-aħħar sigħat, Morrison kien avviċinat min-nies li kkritikawh dwar in-nuqqas ta’ difiżi għal kontra n-nirien fl-inħawi, b’uħud jinsulentawh personalment u jgħidilu li ‘huma ma kellhomx pjaċir bih’.
Minn Settembru ‘il hawn, in-nirien qalb foresta qatlu 18-il persuna u qerdu ‘il fuq minn 1,200 djar madwar New South Wales u fl-Istat ta’ Victoria.
Talanqas 17-il persuna għadhom neqsin wara l-aħħar spinta tan-nirien, b’eluf qed jaħarbu minn zona vasta ta’ New South Wales li hi mimlija bit-turisti. Dan fost rapporti li qegħdin jonqsu l-provvisti f’xi bliet li spiċċaw iżolati mill-fjammi fost il-qilla tan-nirien – bis-sitwazzjoni kapaċi ssir aktar serja meta mistennija mewġa ġdida tas-sħana.
It-truppi Awstraljani, sadanittant, qed iħejju biex jevakwaw uħud mill-4,000 persuna li spiċċaw ‘fl-artijiet ta’ ħadd’ b’konsegwenza tan-nirien fl-inħawi ta’ Victoria.
//= $special ?>