Lokali

Il-Prim Ministru għandu jispjega r-raġuni ta’ dan is-safar fuq xulxin

Illum il-mezzi tal-istampa qed jirrapurtaw li l-Prim MInsitru u l-familja tiegħu reġgħu telqu lejn Londra fuq titjira Club Class. Ftit ġranet ilu ukoll telaq lejn Dubai club class. Kulħadd jaf li titjiriet club class jiswew eluf ta’ liri. L-unika stqarrija uffiċjali li ħarġet kienet meta l-Prim Minsitru mar Betlehem lejliet il-Milied. Il-poplu għandu dritt ikun jaf x’inhu l-iskop ta’ dan is-safar lussuż tal-Prim Minsitru u l-familja tiegħu u għaliex mhux qed tingħata ebda spjegazzjoni uffiċċjali dettaljata għal dan is-safar kif issoltu jsir.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija, li tkompli tgħid li l-poplu għandu dritt ikun jaf ukoll min qed iħallas għal dan is-safar lussuż tal-Prim Minsistru u l-familja tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li hija irresponsabiltà kbira ta’ Joseph Muscat li filwaqt li hu baqa Prim Ministru, minnflok irriżenja meta kulħadd kien qed jaqbel li għandu jitlaq, huwa intefa jsiefer minn post għall-ieħor minflok ipprova jtaffi l-kriżi li ħoloq hu stess.

Minflok Dubai, Betlehem u Londra il-Prim Minsitru messu qiegħed id-depot tal-pulizija jwieġeb dwar ir-rigali lussużi li huwa rċieva u dwar il-kumpaniji sigrieti ta’ dawk li hu baqa jiddefendi sal-aħħar.