Tħabbret il-mewt tal-eks kummissarju tal-NBA David Stern fl-età ta’ 77 sena. Hu miet wara li kien f’kundizzjoni kritika, kawża ta’ emorraġija fil-moħħ fit-12 ta’ Diċembru li għadda.
Stern hu l-aktar persuna li dam fl-ogħla kariga tan-National Basketball Association fl-Istati Uniti, b’total ta’ 30 sena qabel irtira fi Frar tal-2014. Hu jibqa’ mfakkar bħala l-persuna li ttrasforma lill-NBA bħala marka globali, hekk kif fil-preżent hu wieħed mill-aktar kampjonati segwiti fid-dinja.
Stern ħa t-tmexxija tal-NBA lura fi Frar tal-1984, bil-basketball dak iż-żimen jattira udjenzi żgħar u inqas finanzi minn sport Amerikan tradizzjonali bħal basketball u l-futbol Amerikan. Fi żmienu, għen biex il-profil tal-NBA jiffoka fuq il-plejers stilel, biex b’hekk plejers bħal Michael Jordan setgħu jkunu magħrufa madwar id-dinja.
Seba’ timijiet ingħaqdu fil-kampjonat taħt it-tmexxija tiegħu u fosthom, il-Kanadiżi Toronto Raptors rebħu t-titlu tal-NBA f’Ġunju li għadda. Stern kien ukoll fit-tmexxija meta nħoloq il-kampjonat NBA tan-nisa fl-1997.
Maż-żmien li Stern għadda l-kontroll tal-NBA f’idejn Adam Silver, aktar minn 200 pajjiż kienu qed ixandru l-logħob tal-basketball Amerikan, u l-istaġun li għadda, kien is-sitt wieħed li fl-NBA lagħbu aktar minn 100 plejer internazzjonali.
//= $special ?>