Lokali

“Jeħtieġ aktar investiment fl-infrastruttura” – Malta Chamber of SMEs (GRTU)

Il-GRTU titlob laqgħa urġenti mal-Enemalta wara telf kbir għan-negozji minħabba l-qtugħ tad-dawl

“Malta kienet qed tistrieħ fuq il-ħsieb li s-sistemi li għandna jaħdmu u jikkumplimentaw sew lil xulxin sabiex ikolna provvista ċerta u ta’ min jorbot fuqha tal-elettriku. Ir-realtà hi li l-interconnetor saritlu l-ħsara u li dan jista’ jerġa jseħħ fil-ġejjieni, u li l-infratruttura tagħna teħtieġ aktar investiment, l-aktar biex tkun żgurata provvista stabbli”.

Dan qalu Paul Abela, il-President tal-Malta Chamber of SMEs (GRTU), f’laqgħa urġenti li talbet l-istess Kamra sabiex tiddiskuti l-ħsara li saret lin-negozji ż-żgħar bil-qtugħ tal-provvista tad-dawl fil-jiem ta’ qabel il-Milied. Jiem li l-Kamra ddeskriviet bħala l-aktar ġranet importanti għan-negozju.

Filwaqt li l-Enemalta qalet li kienet qed tagħmel dak kollu possibbli biex jiġu evitati inċidenti oħra simili u aktar qtugħ fil-provvista fil-jiem li ġejjin, iċ-Chamber of SMEs għamlet diversi proposti, fosthom li jsir investiment f’sistemi ġodda ta’ ħażna kif ukoll f’konnettività addizzjonali mal-grid Ewropew.

L-Enemalta qalet li qed tħares anke lejn possibilitajiet ta’ dan it-tip.

Il-GRTU saħqet fuq il-ħtieġa ta’ provvista ċerta li tkun tista tagħti s-serħan tal-moħħ, kif ukoll li tnaqqas id-dipendenza fuq il-provvista li ġejja mill-interconnector.

“Is-sitwazzjoni prezenti tefgħetna lura aktar minn 5 snin f’dik li hi aspettattiva dwar il-provvista tal-elettriku”, qal iċ-Chamber of SMEs.

Intant l-istess Kamra qalet li negozji għandhom jagħmlu l-arranġamenti tagħhom biex ikollhom provvista indipendenti tal-elettriku, u biex jiżguraw ruħhom minn kontinwità fin-negozju tagħhom sakemm tiġi msewwija l-ħsara lill-interconnector.

Qalet ukoll li n-negozji għandhom jieħdu prekawzjonijiet u jixgħelu l-apparat tagħhom ftit ftit wara li terġa lura l-provvista tad-dawl sabiex jevitaw ħsarat lis-sistema tal-elettriku tagħhom.