L
Il-‘gwerra’ taċ-Ċina mal-Istati Uniti fejn jidħlu l-kummerċ u t-tariffi ilha għaddejja x-xhur u kapaċi tkun l-akbar theddida ekonomika għar-reġim ta’ Beijing, matul l-2020.
Iżda għalkemm ir-rata tal-iżvilupp għaċ-Ċina mistennija tinżel taħt is-sitta fil-mija, il-possibbiltà li, din is-sena, jintlaħqu l-ftehim kummerċjali komprensivi ma’ Washington qed iżomm ħajjin it-tamiet ta’ Beijing li tirritorna għall-iżvilupp sostenibbli wara perjodi twal ta’ inċertezza li affettwaw lis-swieq internazzjonali.
Madankollu, l-aħħar indikazzjonijiet huma li l-iżvilupp taċ-Ċina – it-tieni l-akbar ekonomija tad-dinja – għandu jonqos fix-xhur li ġejjin minħabba r-ritmu kajman tad-domanda domestika flimkien mal-problemi kummerċjali mal-Istati Uniti.
U għalkemm il-Partit Komunista li qed imexxi ċ-Ċina jista’ anki jilħaq it-tragwardi ambizzjużi – fejn jirdoppja d-daqs tal-ekonomija mill-2010 – dan il-pajjiż (darba meqjus bħala l-aktar ekonomija tad-dinja li qabdet ritmu ta’ żvilupp impressjonanti) fl-2020 irid jiffaċċja aktar pressjoni li taffettwalu l-iżvilupp, wara slowdown konsistenti li dam għal għaxar snin.
Dan is-slowdown – jew tnaqqis fir-ritmu tal-iżvilupp – beda jidher ovvju min-nofs l-2018 wara li l-President Amerikan, Donald Trump, beda (u maż-żmien, aċċellera) il-gwerra tat-tariffi maċ-Ċina. Ir-riperkussjonijiet mis-sitwazzjoni qegħdin jinħassu f’numru ta’ setturi u meta l-iżvilupp taċ-Ċina kien mistenni jonqos sa 5.8 fil-mija jew anqas matul l-aħħar tliet xhur tas-sena li spiċċat.
Meta ftit hemm dubju li l-2020 se tkun kruċjali għall-ekonomija taċ-Ċina, numru ta’ analisti qegħdin jirreferu għal ‘indikaturi’ li l-affarijiet (għaċ-Ċiniżi) iridu jaqilbu għall-agħar aktar milli għall-aħjar. B’hekk, huma qed jistennew li l-ekonomija taċ-Ċina se tkompli tonqos, fil-bidu tas-sena, qabel tistabbilizza ruħha. Dan peress li, għalissa, mhemmx sinjali ċari ta’ irkuprar ekonomiku fuq żmien qasir.
L-aħħar ftehim kummerċjali parzjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina mhux mistenni jwarrab l-inċertezza ġenerali meta l-gwerra tat-tariffi bejn il-pajjiżi għandha tkompli fl-2020. U anki ladarba l-ftehim parzjali jkun iffirmat u jidħol fis-seħħ, it-tariffi ta’ Donald Trump xorta waħda se jkopru kważi żewġ-terzi tal-importazzjonijiet kollha tal-Amerikani miċ-Ċina.
B’hekk, il-gwerra kummerċjali kontinwa baqgħet tikkostitwixxi l-akbar inċertezza għall-ekonomija taċ-Ċina orjentata lejn l-esportazzjoni – u meta ċ-Ċina hi wkoll il-hub għall-manifattura tad-dinja. Mill-banda l-oħra, il-possibbiltà li l-Istati Uniti u ċ-Ċina jilħqu ftehim komprensivi se żżid it-tamiet ta’ Beijing li, ’il quddiem, jista’ jirritorna fit-triq tal-iżvilupp sostenibbli.
Madankollu, l-ironija tas-sitwazzjoni hi li l-problemi ekonomiċi taċ-Ċina għandhom l-għeruq fis-sistema kapitalista tal-Istat (xprunat mill-Partit Komunista) li tibqa’ fattur ewlenija tal-gwerra kummerċjali li qed imexxi Trump – b’Washington qed ikompli jinsisti għall-bidliet min-naħa taċ-Ċina.
//= $special ?>