Internazzjonali

Stati Uniti: Julian Castro itemm il-kampanja għall-White House

Julian Castro, l-eks Segretarju tal-Housing fl-amministrazzjoni preċedenti tal-Istati Uniti ( taħt it-tmexxija tal-President Barack Obama), ħabbar li qed jikkonkludi l-kampanja tiegħu biex jikkuntesta għall-White House għan-nom tal-Partit Demokratiku.

Castro kien l-uniku wieħed b’nisel Latin fost il-kandidati għall-Presidenza Amerikana. Intant, hu bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li ‘ hu wasal għall-konklużjoni li dan mhux iż-żmien tagħna’ — għalkemm saħaq ukoll li ‘mhux se jieqaf jissielet għal dak li jemmen fih’.

Ladarba Castro ħareġ mit-tellieqa, fadal, issa, 14-il Demokratiku li qed jikkuntestaw għan-nomina biex jirrappreżentaw lill-partit fl-elezzjoni deċiżiva għall-Presidenza Amerikana li ssir fl-aħħar tas-sena.

It-tellieqa għall-White House, intant, tibda bis-serjetà matul ix-xahar id-dieħel meta jsiru l-caucuses (laqgħat) tal-Partit Demokratiku fl-Istat ta’ Iowa.