Fil-Vatikan, ingħatat l-Aħħar Tislima lill-Kardinal Malti Prospero Grech, li miet it-Tnejn li għadda fl-età ta’ 94 sena.
Il-Funeral sar fuq l-Artal tal-Katedra fil-Bażilika ta’ San Pietru, bil-Kardinal Giovanni Battista Re, il-Viċi Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, mexxa l-Quddiesa. Min-naħa tiegħu, l-Papa Franġisku mexxa l-aħħar parti taċ-Ċelebrazzjoni.
Fl-Omelija, il-Kardinal Battista Re ddeskriva lill-Kardinal Grech bħala persuna li dejjem ġab quddiemu lil Alla fil-ħidma tiegħu. Iddeskrivieh bħala Kardinal ta’ ħafna spiritwalità u li ħabb lill-knisja u l-ħajja reliġjuża.
Bħala parti miċ-ċerimonja tal-Funeral inqrat anke stqarrija dwar il-ħajja tal-Kardinal Grech.
Prospero Grech twieled fl-24 ta’ Diċembru tal-1925. Bħala Reliġjuż, hu kien jifforma parti mill-Ordni tal-Agostinjani u kien wieħed mill-fundaturi tal-Istitut Patristiku Agostinjan f’Ruma. Fi Frar tal-2012, il-Papa Emeritus Benedittu 16 kien ħatru bħala t-tieni Kardinal Malti, għaxart ijiem wara li kien ordnat Arċisqof Titulari ta’ San Leone, fil-Basilicata, fl-Italja.
Sadanittant, il-Kardinal Grech mistenni jingħata tislima anke f’Malta, bil-Provinċja Agostinjana Maltija bħalissa għaddejja bit-tħejjijiet għal Quddiesa Presente Cadavre.
Fil-Vatikan, kienu preżenti fost l-oħrajn l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles J. Scicluna, l-Amministratur tad-Djoċesi ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech u l-President ta’ Malta George Vella.
//= $special ?>