Sport Sport Ieħor

Bidu tajjeb għar-Russja, l-Awstralja u l-Kanada fl-ATP Cup

(Ritratt; EPA)

Denis Shapovalov għeleb lil Stefanos Tsitsipas f’konfront bejn żewġ żgħażagħ promettenti biex għen fir-rebħa ta’ 3-0 li l-Kanada kisbet kontra l-Greċja fil-bidu tal-ATP Cup li qed issir fi Brisbane fl-Awstralja. Shapovalov rebaħ 7-6, 7-6 u kien ta vantaġġ doppju lill-Kanadiżi.

Tsitsipas kien ikkunsidrat favorit qabel dan il-konfront wara rebħiet kontra Roger Federer u Dominic Thiem fl-ATP Finals f’Novembru li għadda. Iżda Shapovalov, li kellu prestazzjonijiet pożittivi biex għen lill-Kanada tasal sal-finali tat-Tazza Davis għall-ewwel darba, ħa vantaġġ minn double-fault fis-service ta’ Tsitsipas biex għalaq il-logħba fl-ewwel match point li kellu.

Il-Ġermaniż Alexander Zverev kien megħlub mill-Awstraljan Alex de Minaur 4-6, 7-6, 6-2 wara li kellu bidu pożittiv. De Minaur baqa’ konċentrat u b’Zverev ikun frustrat tant li sabbat ir-racket seba’ darbiet fit-tieni set quddiem pubbliku li kien qed iżomm ma’ pajjiżu.

Nick Kyrgios kien ta vantaġġ lill-Awstralja b’rebħa ta’ 6-4, 7-6 kontra Jan-Lennard Struff. Din il-logħba kienet waħda emozzjonanti għalih hekk kif qabel il-bidu tat-tournament, kien ħabbar li se jagħti donazzjoni ta’ €125 donazzjoni ta’ kull ace li jagħmel. Dan bħala turija ta’ appoġġ għall-vittmi u l-poplu Awstraljan li qed ibati kawża tan-nirien li ħakmu lill-pajjiż. Hu rnexxielu jagħmel total ta’ 20 ace tul il-konfront.

It-tournament ma kellux bidu pożittiv hekk kif l-organizzaturi daqqew l-innu nazzjonali żbaljat tal-Moldova kontra l-Belġju. Hu talbu apoloġija personali lit-tim għall-iżballi li wettqu. Il-Belġju rebħet il-konfront 3-0.

F’logħbiet oħra, Casper Ruud rebaħ kontra l-Amerikan John Isner biex ta rebħa ta’ 2-1 lin-Norveġja. Daniil Medvedev tar-Russja evita ħasda biex għeleb lit-Taljan Fabio Fognini 1-6, 6-1, 6-3 u kien ta vantaġġ doppju lir-Russi wara li Karen Khachanov kien għeleb lil Stefano Travaglia 7-5-, 6-3.

It-timijiet parteċipanti ġew determinati mill-pożizzjoni tar-ranking tal-aħħar tennist fit-tim. Sitt mill-ewwel seba’ tennisti fid-dinja, b’eċċezzjoni tal-Iżvizzeru Roger Federer, qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni. Kull konfront jinkludi żewġ logħbiet fuq bażi individwali u logħba bid-doppji. F’dan it-tournament inawgurali, qed jipparteċipaw 24 nazzjon, bil-logħbiet fuq għaxart ijiem se jintlagħbu f’Perth, Brisbane u Sydney.

Riżultati

L-ewwel ġurnata

Grupp Ċ: Belġju v Moldova 3-0, Renju Unit v Bulgarija 1-2

Grupp D: Stati Uniti v Norveġja 1-2, Russja v Italja 3-0

Grupp F: Greċja v Kanada 0-3, Ġermanja v Awstralja 0-3

Logħob li jmiss

It-tieni ġurnata

Għada

Grupp A: Franza v Ċili, Serbja v Afrika ta’ Isfel  

Grupp B: Ġappun v Urugwaj, Spanja v Georgia           

Grupp E: Arġentina v Polonja, Awstrija v Kroazja                  

Tags