Il-qtugħ fil-provvista tad-dawl li kellna f’dawn l-aħħar jiem ħalla impatt fuq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin partikolarment fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Fid-dawl ta’ dan, il-Ġimgħa filgħodu rappreżentanti tal-Enemalta ltaqgħu mal-membri tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-(MCESD) bix jispjegaw dak li qed jiġri u x’mistenni jsir fil-futur.
It-tekniċi tal-Enemalta saħqu li jista’ jkun li jkun hemm perjodi fejn jerġa’ jkollna bnadi ta’ Malta li jsofru qtugħ ta’ dawl iżda eskludew li jkun hemm black out totali. Il-membri tal-MCESD enfasizzaw il-punt li huwa importanti li ma jerġgħux iseħħu black outs totali, b’detriment għall-ekonomija ta’ pajjizna.
Għalkemm assiguraw li mhux se jerġa’ jkun hawn blackout totali, il-fatt li bnadi ta’ Malta jerġgħu jgħaddu minn qtugħ fil-provvista tal-elettriku, xorta se jkun hemm numru ta’ azjendi u kumpaniji li se jkunu affettwati b’mod ħażin.
Punt ieħor li tqajjem waqt din il-laqgħa kien jekk pajjiżna hux attreazzat biżżejjed għad-domanda tal-elettriku li qed ikun hawn, b’enfasi biex jiżdied iktar l-investiment f’dan is-settur biex il-poplu Malti jkollu iktar serħan il-moħħ.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, diversi kienu dawk li appellaw lill-Enemalta biex tassumi r-responsabbiltà għat-telf finanzjarju konsiderevoli li qed isofri n-negozju. Dan hekk kif diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex reġgħu kienu bla dawl fl-eqqel tal-festi. Fid-dawl ta’ dan kollu, ma saret l-ebda konferenza tal-aħbarijiet min-naħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li qatta’ l-aħħar jiem isiefer madwar id-dinja, jew mill-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi. Dan minkejja li pajjiżna kellu tliet blackouts totali f’temp ta’ ftit ġimgħat.
//= $special ?>