Ekonomija

Diffikultajiet ekonomiċi għal Singapore

Melvyn Mangion jitkellem ma’ Net News dwar l-ahhar zviluppi fis-swieq finanzjarji internazzjonali

L-ekonomija ta’ Singapore – meqjusa bħala waħda mit-tigri ekonomiċi tal-kontinent Ażjatiku rreġistrat tkabbir diżappuntanti fl-2019, hekk kif ir-ritmu kien l-aktar wieħed kajman tul id-deċennju li għadu kif intemm. L-ekonomija ta’ Singapore, b’dipendenza qawwija fuq is-settur tas-servizzi, soffriet il-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina kif ukoll diffikultajiet fuq sala globali fis-settur tal-elettronika.

Fl-2019, l-ekonomija filfatt kibret biss b’0.7%, daqqa sostanzjali ‘l isfel anke mis-sena ta’ qabel, fejn it-tkabbir kien ta’ aktar minn 3%. L-akbar bank f’dan l-istat, DBS, qed ibassar li l-2020 jwassal għal titjib żgħir, bi tkabbir ta’ 1.4%. Il-klima ta’ inċertezza mistennija tkompli teskala hekk kif din il-gżira mistennija jkollha elezzjoni ġenerali fix-xhur li ġejjin.

Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern mistenni jħabbar l-aħħar baġit tiegħu fit-18 ta’ Frar, li fih ikun ferm ġeneruż, partikolarment fejn tidħol għajnuna fiskali. Il-Gvern hu f’pożizzjoni li jagħmel dan wara s-surplus reġistrat fl-aħħar snin.

L-akbar diffikultajiet kienu reġistrati fis-settur tal-manifattura, li ċkien b’1.5% fuq is-sena li għaddiet, tnaqqis qawwi fuq is-7% tal-2018. Is-settur tas-servizzi, li huwa mutur ekonomiku għal dan in-nazzjoni kiber biss 1.1%. Fid-diskors annwali lin-nazzjoni f’lejliet l-Ewwel tas-Sena, il-Prim Ministru Lee Loong ddefinixxa dawn ir-riżultati kienu relattivament pożittivi b’konsiderazzjoni tad-diffikultajiet ekonomiċi globali.

Tisplodi d-domanda għar-ramel…

Iż-żieda fid-domanda tal-akbar materjal naturali użat fid-dinja, ir-ramel, qed iwassal għal tħaffir aktar estensiv f’pajsaġġi naturali fraġli u qed iwassal biex numru aktar ta’ pajjiżi jipprojbixxu l-esportazzjoni tiegħu.

Filwaqt li ħafna jaħsbu li r-ramel jintalab l-aktar biex tinħoloq xi bajja artifiċjali, filfatt l-akbar użu tiegħu hu fl-industrija tal-kostruzzjoni. Hu kkalkulat li f’sena, f’termini ta’ piż, jintuża aktar ramel milli fjuwil u mettall. Dan għaliex ir-ramel jitħallat mas-siment biex jipproduċi l-konkrit. Tunnelata ta’ siment jitħallat ma’ madwar 10 tunnellata ta’ ramel biex isir konkrit.

Skont il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti din is-sitwazzjoni qed toħloq waħda mill-akbar sfidi ta’ sostenibbiltà tas-Seklu 21. Bħal ħafna affarijiet oħra, iċ-Ċina hija l-akbar produttur tas-siment tant li fl-aħħar tliet snin produċiet aktar siment milli produċiet l-Istati Uniti fis-seklu 20 kollu.

Fost l-akbar importaturi ta’ ramel fl-Ewropa hem mil-Belġju, Franza u l-Olanda.

Dan qed iwassal biex organizzazzjonijiet ambjentali u n-Nazzjonijiet Uniti jgħollu l-allerta dwar ir-riskji assoċjati ma’ din it-talba qawwija għal din ir-riżorsa u qed jappellaw biex jiġu identifikati sorsi alternattivi b’mod partikolari permezz tar-riċiklaġġ.

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment