Futbol Sport

Douglas Packer u Irakli Dzaria jħallu lil Valletta

(Ritratt: Trevor Sollars)

Valletta komplew jirranġaw l-iskwadra biex ikunu preparati aħjar għat-tieni parti tal-istaġun hekk kif ħabbru li laħqu ftehim mal-midfielders Douglas Packer u Irakli Dzaria biex jinħallu mill-kuntratti rispettivi. Iż-żewġ plejers ingħaqdu ma’ Valletta fil-bidu tal-istaġun iżda naqsu li jħallu l-impatt mixtieq f’nofs il-grawnd tat-tim immexxi minn Darren Abdilla. F’dan is-suq tat-trasferimenti, Valletta akkwistaw lill-midfielders Triston Caruana u Miguel Alba li b’hekk jistgħu jitqiesu bħala sostituti tagħhom.

Packer għamel id-debutt fl-ewwel logħba mill-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League kontra Dudelange fejn anki kien skorja minn free-kick. Fil-kampjonat, il-plejer ta’ 32 sena lagħab tmien logħbiet u skorja gowl kontra Tarxien Rainbows. Hu ma kienx fl-iskwadra kontra Floriana u Balzan minħabba li kien imweġġa’ u ma lagħbx kontra Senglea Athletic. Fl-aħħar żewġ logħbiet li Valletta lagħbu fil-kampjonat kontra Hibernians u Ħamrun Spartans kif ukoll fis-Super Cup kontra Balzan, Packer ma kienx fl-iskwadra.

Dzaria għamel id-debutt ma’ Valletta fid-derby kontra Floriana fil-15 ta’ Settembru. Minn dakinhar hu lagħab il-logħbiet kollha tal-Beltin fil-kampjonat b’eċċezzjoni fit-telfa kontra Gżira United wara li kien weġġa’ fil-logħba ta’ qabel kontra Birkirkara. Hu skorja darbtejn kontra Balzan u Mosta filwaqt li ma lagħbx fl-FA Trophy kontra St. Andrews u ma kienx fl-iskwadra fis-Super Cup kontra Balzan.