Il-pulizija fil-belt Franċiża ta’ Villejuif qatlu raġel li kien qed jattakka lin-nies b’sikkina u wara li l-aggressur kien spiċċa joqtol persuna. Fl-attakk spiċċaw midruba numru ta’ persuni, tnejn minnhom gravi, bl-investigazzjonijiet għadhom qed ikomplu fis-sit.
L-attakki għall-għarrieda fuq in-nies seħħew fl-inħawi ta’ park ewlieni u l-aggressur miet ftit wara li ntlaqat minn tiri li sparawlu l-pulizija li kienu qed jiġru warajh. Il-belt ta’ Villejuif tinsab xi seba’ kilometri lejn in-nofsinar tal-kapitali Franċiża.
Intant, numru ta’ rapporti – li ma kenux ikkonfermati mija-fil-mija — qalu li l-aggressur, waqt li kien għaddej bl-attakki fuq in-nies, kien liebes qmis tal-isplussivi bħalma jilbsu l-militanti Iżlamiċi għall-attakki suwiċida.
L-awtoritajiet, wara, qalu li ma kenux ċerti jekk l-aggressjoni kellhiex warajha intenzjoni terroristika meta l-inħawi, dak il-ħin, kienu pakkjati bil-familji u t-tfal qed igawdu l-vaganzi tal-iskola. Intant, numru ta’ xhud qalu lill-gazzetta Le Parisien li l-aggressur kien beda jgħajjat Allahuakbar waqt li kien qed jagħti s-salt li n-nies li nzerta quddiemu.
Waqt li l-awtoritajiet kienu qed jiġbru d-dettalji tal-każ, il-pulizija avżaw lill-pubbliku biex jevita z-zona tal-attakki fil-madwar tal-Park ta’ Hautes-Bruyeres. Dan waqt li z-zona kienet qed tinżamm taħt stat ta’ lockdown mill-qawwiet tas-sigurtà li kienu qegħdin jinvestigaw jekk l-aggressur setax kellu miegħu l-kompliċi.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet kienu qed jaħdmu biex jidentifikaw lill-aggressur, bil-Viċi-Ministru Franċiż għall-Intern, Laurent Nunez, imur fuq ix-xena fejn faħħar lill-pulizija għall-qlubija li wrew waqt l-eqqel tal-periklu.
//= $special ?>