Wara li lbieraħ wasal fl-ajruport ta’ Linate biex jibda t-tieni esperjenza tiegħu ma’ Milan, illum Zlatan Ibrahimovic ġie ppreżentat uffiċjalment f’konferenza stampa. L-Iżvediż ingħaqad ma’ Milan b’kuntratt sa tmiem l-istaġun bl-għażla li jiġġedded b’sena oħra u b’salarju ta’ €3.5 miljun.
Kunfidenti bħal dejjem, Ibrahimovic qal li fl-età ta’ 38 sena kellu aktar offerti minn meta kellu 28 sena, anki jekk kien hemm minn qallu li wara l-injury serja li kellu ma’ Manchester United, kien impossibbli li jirritorna.
Hu saħaq li ma jinsabx ma’ Milan sempliċiment biex ikun magħhom iżda għax jaf li jista’ jilgħab fis-Serie A. Ibrahimovic lagħab minn Marzu tal-2018 ma’ Los Angeles Galaxy fil-Major Soccer League, bl-aħħar esperjenza tiegħu fl-Ewropa tkun ma’ Manchester United. Fl-ewwel staġun mar-Red Devils hu kien skorja 28 gowl qabel weġġa’ serjament lejn tmiem dak l-istaġun.
L-attakkant Żvediż tkellem ukoll dwar il-klabb Taljan. “Milan huma Milan, l-istorja ma tistax tinbidel. Qiegħed hawn biex ngħin lill-klabb. Nistgħu nagħmlu ħafna imma ejja nimxu logħba b’logħba. Hi maratona mhux sprint ta’ 100 metru.”
L-eks plejer ta’ Malmo, Ajax, Juventus, Inter, Barcelona, PSG, Manchester United u Los Angeles Galaxy wiegħed li mhux se jkun dgħajjef mal-plejers żgħażagħ. “Jafu kif jien, kif nitħarreġ u nilgħab kull logħba. Iridu jaħdmu iebes. Iridu jkunu jafu kif issofri, inkella ma tilħaqx il-potenzjal massimu. Mhux kulħadd iħobb isofri imma jien iva u nistenna ħafna minn sħabi,” kompla Ibrahimovic.
Ibrahimovic ilu ma jilgħab minn Ottubru iżda teżisti possibbiltà li jista’ jagħmel it-tieni debutt ma’ Milan kontra Sampdoria t-Tnejn li ġej. It-tim immexxi minn Stefano Pioli kellu staġun diffiċli sa issa hekk kif jinsabu fil-11-il post fil-klassifika u ġejjin minn telfa umiljanti ta’ 5-0 kontra Atalanta.
//= $special ?>