Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: It-tensjoni teskala wara l-qtil tal-kmandant militari ewlieni tal-Iran mill-Istati Uniti

Ir-reġjun tal-Lvant Nofsani qed jibda s-sena taħt is-sħab ta’ kriżi ġdida wara li l-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti qatlu lill-Ġeneral Qasem Soleimani li kien l-aktar kmandant militari b’saħħtu fl-Iran. Solemaini, li kellu 62 sena, kien imexxi l-azzjonijiet militari tal-Iran fil-Lvant Nofsani bħala Kap tal-Qawwa (elitista) Quds, bil-qtil tiegħu jixpruna l- inċertezza, bit-Tmexxija f’Tehran taħlef li tivvendika ruħha ‘mal-għedewwa tal-Iran’.

Il-qtil ta’ Soleimani seħħ fl-ajruport ta’ Baghdad, fl-Iraq, u fejn miegħu tilfu ħajjithom personalitajiet oħra mal-milizji appoġġjati mill-Iran. L-attakk – permezz ta’ drone — fuq Soleimani sar fuq id-direttiva tal-President Amerikan Donald Trump u s-sitwazzjoni bejn Washington u Tehran, issa, saret ‘waħda perikoluża għall-aħħar’.

Fost l-istennija għal żviluppi ġodda wara l-attakk, il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, qal li ‘il-kriminali responsabbli mill-qtil iridu jpattu qares għal għemilhom’. Dan waqt li Khamenei ħabbar tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali.

Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, fisser l-attakk fuq Soleimani bħala ‘azzjoni fuq livell ta’ terroriżmu internazzjonali’. Hu wissa, intant, li l-Istati Uniti ‘teħtieġ iġġorr responsabbiltà għall-konsegwenzi kollha li jinqalgħu’.

Qasem Soleimani kien strumentali għat-tisħiħ tal-moviment Hezbollah tal-militanti Xiti fil-Libanu, l-istess bħal fil-każ ta’ gruppi militanti oħrajn favur l-Iran. Fl-istess ħin, hu kabbar il-preżenza militari tal-Iranjani fl-Iraq u fis-Sirja, waqt li mexxa l-offensiva tas-Sirja kontra l-gruppi tar-ribelli f’artha, waqt dawn is-snin ta’gwerra ċivili ( fis-Sirja).

Fil-fatt, Soleimani kien meqjus bħala t-tieni l-aktar personalità b’saħħitha fl-Iran wara l-Ayatollah Khamenei. Dan meta l-Qawwa Quds li kien imexxi ( bħala fergħa unika mal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran) tirrapporta direttament lil Khamenei bħala l-Mexxej Suprem tal-Iran — b’Soleimani ikun meqjum mill-Iranjani bħala eroj nazzjonali.

Mill-banda l-oħra, l-Istati Uniti rreferiet għal Soleimani u l-membri tal-Quds bħala terroristi u insistiet li dawn kienu responsabbli għall-imwiet ta’ mijiet ta’ membri tas-servizzi Amerikani. L-attakk bid-drone, intant, seħħ jiem wara l-attakk minn dimostranti fuq l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Baghdad u fejn seħħew il-konfronti mal-qawwiet Amerikani fl-inħawi. Qed jingħad li Soleimani kien approva l-attakki fuq l-ambaxxata.

Il-President Trump kien fi Florida meta nqatel Soleimani u, wara l-konferma ta’ mewtu, ma tilifx żmien biex itella’ ritratt ta’ bandiera Amerikana fuq Twitter.

Stqarrija tal-Pentagon (il-kwartieri-ġenerali tad-Dipartiment tad-Difiża Amerikan) qalet li ‘il-Ġeneral Iranjan kien qed iħejji pjan għal attakki fuq diplomati tal-Istati Uniti u kontra membri tas-servizzi Amerikani fl-Iraq u madwar ir-reġjun.’ L-istqarrija kompliet li Soleimani spiċċa eliminat biex ‘imutu’ il-pjani futuri għal aggressjoni mill-Iran’.

Il-Pentagon saħaq li l-azzjoni deċiżiva ( il-qtil tal-Ġeneral) kellha l-ħsieb li tipproteġi lill-Amerikani li qed jagħtu servizz barra pajjiżhom, bl-Istati Uniti ‘se tkompli tieħu azzjoni fl-interessi ta’ niesha irrispettivament minfejn qegħdin madwar id-dinja’.

Il-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran qalet li, fost il-maqtula ma’ Soleimani fl-attakk bid-drone, kien hemm il-kap tal-milizja Iraqi, Abu Mahdi al-Muhandis u membri tal-milizji, fl-Iraq, li huma ddominati mill-gruppi alineati mal-Iran. Muhandis kien jikkmanda lill-grupp Kataib Hezbollah ( alleat tal-Iran) li qed ikun akkużat dwar attakk b’rokit li, jiem ilu, kien qatel kuntrattur ċivili Amerikan, fit-Tramuntana tal-Iraq.