Lokali

Il-wasla tas-Slaten Maġi f’Betlehem f’Għajnsielem

SONY DSC

Hekk kif ninsabu fi tmiem il-festi tal-Milied, fil-presepju ħaj ta’ Bethlehem f’Għajnsielem, f’Jum l-Epifanija issir l-attività tas-Slaten Maġi.

Din is-sena se ssir b’sinerġija ma’ rħula Maltin bl-attivitajiet ikunu mifruxin fuq jumejn. It-tluq se jkun mill-Birgu, Città Vittoriosa għada s-Sibt fl-10.30am. It-Tliet Rejiet imbagħad se jaqsmu b’dgħajsa tradizzjonali għax-Xatt tal-Belt Valletta, il-Ħamrun u Raħal Ġdid.

Il-Ħadd, fl-Epifanija fit-8.30am il-Maġi se jduru madwar it-toroq medjavali tal-Imdina u wara jibqaw sejrin il-Mellieħa fid-dar tal-anzjani. Wara ssir attività fil-Pjazza tal-Mellieħa fejn issir il-laqgħa ma’ Erodi.

Wara, it-Tlett Slaten Maġi jitilqu biż-żwiemel lejn iċ-Cirkewwa sabiex eventwalment jaslu Għawdex għal ħabta ta’ 3pm u mill-Port tal-Imġarr jibdew l-aħħar vjaġġ u d-dħul trijonfali ġewwa Bethlehem f’Għajnsielem sabiex jaduraw u joffru r-rigali lil Bambin Ġesu.

Dan iwassal għal għeluq tal-ħdax-il edizzjoni ta’ din l-attivita li għal darb’oħra attirat eluf ta’ viżitaturi matul dawn iż-żminijiet ta’ festi.