Internazzjonali

In-nirien fl-Awstralja: Mijiet evakwati bil-bastimenti…

Il-qawwiet tal-baħar tal-Awstralja evakwaw madwar 1,000 turist u residenti li kienu spiċċaw iżolati fost in-nirien kbar li qerdu parti kbira mill-belt ta’ Mallacoota, viċin il-kosta, fl-Istat ta’ Victoria.

Fl-aħħar sigħat, numru ta’ landing vessels wasslu lin-nies mill-art lejn il-bastimenti MV Sycamore u l-HMAS Choules. Dan bħala parti minn ‘rilokazzjoni ta’ ċivili bla precedent fuq livell ta’ massa’ – bl-evakwati jittieħdu lejn Western Port, fost rapporti li n-nies fuq il-bastimenti kienu ddeċidew volontarjament li jitilqu mill-inħawi ta’ Mallacoota.

Aktar qabel – u waqt li n-nirien kienu qed itellfu l-aċċess mit-toroq – il-militar kien evakwa għexieren tan-nies bil-ħelikopter.

Dan wara li l-kriżi rrankat, fil-bidu tal-ġimgħa, meta madwar 4,000 resident u turisti kienu ħarbu lejn il-bajja ta’ Mallacoota ladarba n-nirien bdew javvanzaw minn qalb il-foresta lejn iz-zoni residenzjali.

L-awtoritajiet Awstraljani ilhom il-ġimgħat jikkumbattu nirien bla preċedent fl-Istati ta’ Victoria u New South Wales. Dan meta l-Prim Ministru ta’ Victoria, Daniel Andrews, issa, iddikjara ‘stat ta’ diżastru’ għal sitt zoni u resorts li jinkludu Mallacoota.