Lokali

Investigat mill-Kummissarju għall-Istandards

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab taħt investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards Parlamentari, George Hyzler.

Dan wara li l-mexxej Laburista nkixef li rċieva tliet fliexken inbid bħala rigal għal għeluq sninu. L-inbid, li l-valur tiegħu jaqbeż il-€5,000, ingħata lilu min-negozjant Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Muscat kien stieden lil Fenech għal riċeviment esklussiv fil-Palazz tal-Girgenti, li għalih kienu mistiedna biss ftit nies. Madankollu l-mexxej Laburista dejjem ħeba li kellu din ir-relazzjoni hekk mill-qrib ma’ Yorgen Fenech.

Fl-aħħar jiem Joseph Muscat inkixef ukoll li l-istess Yorgen Fenech tah arloġġ li l-valur tiegħu oriġinarjament kien jiswa’ iktar minn €20,000. Minn dak iż-żmien, il-valur tiegħu żdied sew.

Mhux eskluż li l-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler testendi wkoll fuq rigali oħra li l-Prim Ministru seta’ ħa matul iż-żmien li kien fil-poter.

Għall-kuntrarju jkompli jispikka s-silenzju assolut tal-Pulizija ta’ Malta. Il-Korp s’issa jinjora t-talba formali mill-grupp Repubblika biex Muscat ikun investigat fuq l-arloġġ lussuż li żamm għalih.

Biex jgħatti xturu, fl-aħħar jiem Muscat mhux talli ma ċaħadx li ħa dan ir-rigal anzi pprova jimplika li persuni oħra ħadu arloġġ simili. Fost dawn implika lin-negozjatur ewlieni għad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea Richard Cachia Caruana, l-eks Kummissarju Malti għall-Unjoni Ewropea Joe Borg, l-eks Prim Ministri Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi … iżda Muscat inqabad jigdeb f’kull wieħed minn dawn il-każi.