Lokali

Jinżamm arrestat wara li nqabad isuq mutur misruq u ħarab mill-Pulizija

Libjan ġie arrestat mill-Pulizija u qed jinżamm taħt arrestat wara li ġie nnotat li kien qed isuq mutur misruq.

Il-każ seħħ il-bieraħ għall-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija meta Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun kienu qed jagħmlu r-ronda tagħhom u nnotaw lir-raġel ta’ 41 sena, Mourad Khalif isuq mutur mingħajr elmu. Meta twaqqaf mill-Pulizija, ir-raġel ħarab minn fuq il-post bil-mutur. Jidher li dan kompla jikser il-liġi hekk kif saħansitra għadda minn toroq one way.

Għal xi raġuni, waqt li kien jinsab fi Triq Blackly, f’Tal-Pietà, ir-raġel tilef il-kontroll tal-mutur, ħabat mal-bankina, u waqa’ minn fuq il-mutur. Hu qam minn mal-art u kompla jipprova jaħrab lil Pulizija bil-ġiri.

Il-Pulizija baqgħet issegwih sakemm finalment ġie arrestat fi Triq ix-Xatt tal-Imsida.

Hu ttieħed f’Ċentru tas-Saħħa minħabba ġrieħi li sofra meta tilef il-kontroll tal-mutur u waqa’. Ir-raġel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Ir-raġel ittella’ l-Qorti l-Ġimgħa akkużat li seraq u għamel ħsara f’mutur li mhux tiegħu, saq il-mutur mingħajr liċenzja u polza ta’ assigurazzjoni, li saq b’mod traskurat u perikoluż, li ma libisx elmu u li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija.

L-akkużat, Mourad Khalif ċaħad l-akkużi kontrih filwaqt li qal li m’għandux xogħol u lanqas saqaf fuq rasu. Minn naħa tal-akkużat ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.