It-Turkija qed tissogra l-involviment dejjem aktar profond fil-konflitt ċivili tal-Libja. Dan meta d-deċiżjoni tal-Parlament Tork biex jibgħat il-militar tiegħu fl-artijiet Libjani mmarkat fażi ġdida fil-kunċett ‘internazzjonali’ tal-konflitt fil-pajjiż Afrikan.
Numru ta’ pajjiżi, bħall-Eġittu, esprimew inkwiet li l-intervent militari tat-Torok fil-Libja għandu jħalli riperkussjonijiet li jaffettwaw ħażin l-istabbiltà fil-Mediterran.
Sadattant, il-fażi li jmiss tal-għajnuna mingħand it-Torok lill-Gvern tal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, kienet ftit jew wisq mistennija.
Dan wara li l-President Tork Recep Tayyip Erdogan, jiem ilu, għamilha ċara li kellu jfittex l-approvazzjoni tal-Parlament f’Ankara għall-‘appoġġ prattiku militari’ lill-Gvern ta’ Sarraj. L-impenn, fil-fatt, ma damx biex ikun irrealizzat wara li l-Gvern ta’ Sarraj fi Tripli – li jgawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti – kien talab speċifikament din l-għajnuna minn Ankara.
L-abbozz li jippermetti biex il-Gvern jistazzjona s-suldati ‘għal intervent fil-konflitt ċivili tal-Libja’, għadda mill-Parlament f’Ankara bi 325 vot favur u 184 kontra.
B’dan l-abbozz, it-truppi Torok jistgħu jidħlu b’mod konkret fil-konflitt li ilu għaddej ix-xhur fil-Libja anki jekk hemm mandat konkret għal truppi (Torok) li ma jintużawx għall-kumbattimenti u li kapaċi jaqdu s-sehem ta’ konsulenti għall-qawwiet tal-Gvern fi Tripli. Il-pjan jesiġi wkoll biex il-militar Tork imexxi programmi ta’ taħriġ għall-qawwiet Libjani alleati ma’ Sarraj.
Sadattant, u minkejja r-referenzi għar-‘rwol ta’ taħriġ u konsulenza’ tal-militar Tork b’appoġġ għall-ġellieda mal-Gvern Libjan, id-deskrizzjoni għall-impenn tinkludi wkoll livell sostanzjali ta’ flessibbiltà.
F’każ li l-Gvern fi Tripli jispiċċa b’dahru mal-ħajt fil-konfront mal-qawwiet Libjani tal-Armata tal-Lvant immexxija minn Khalifa Haftar, mhux eskluż li t-Turkija jista’ ikollha tieħu sehem ‘aktar dirett’ fil-kumbattimenti li għaddejjin fi Tripli u l-madwar.
Qabel il-vot ta’ din il-ġimgħa f’Ankara, it-Turkija kienet bagħtet diġà l-vetturi armati lill-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali fi Tripli — bit-Torok anki qegħdin jużaw id-drones ‘għall-interessi tal-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Sarraj’.
Il-Gvern Libjan ta’ Sarraj ilu minn April jirreżisti offensiva mill-qawwiet Libjani rivali ta’ Haftar. Dan meta l-Armata ta’ Khalifa Haftar hi appoġġjata mill-Eġittu, il-Ġordan u l-Emirati Għarab Magħquda. Fl-istess ħin, il-qawwiet Libjani tal-Lvant qegħdin jingħataw appoġġ dirett mill-art mingħand il-kuntratturi militari Russi (semi-uffiċjali) kif ukoll mingħand il-merċenarji li ġejjin mis-Sudan u ċ-Chad.
It-Turkija tqis il-Libja bħala parti minn zona strateġika ’l hinn minn xtutha (lejn il-Lvant tal-Mediterran) u li tinteressa ħafna lit-Tmexxija f’Ankara.
Iżda filwaqt li t-Turkija, qabel l-aħħar tas-sena li għaddiet, kienet iffirmat ftehim ma’ Tripli dwar l-esplorazzjoni għall-enerġija, l-impenn ġdid għall-appoġġ militari lill-Gvern ta’ Sarraj ’il quddiem kapaċi jħalli lil Ankara aktar iżolata — minbarra li jixpruna kriżi wiesgħa minn aspett reġjonali.
//= $special ?>