Lokali

Moviment Graffitti mħasseb fuq ix-xogħol f’post protett ta’ Wied Qirda

Hekk kif ix-xogħol baqa’ għaddej f’Wied Qirda, Moviment Graffitti huwa mħasseb fuq dan ix-xogħol li qed isir minn Infrastructure Malta. Ix-xogħol, li ilu għaddej minn nofs Diċembru, propju waqt l-eqqel tal-vaganzi, huwa żvilupp ta’ pont bla permess f’żona protetta.

Dan kollu seħħ minkejja l-fatt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, ħarġet Ordni ta’ Waqfien u ta’ Konformità ġewwa Wied Qirda 50 ġurnata ilu. L-istess awtorità kienet diġà waqqfet lil Infrastructure Malta milli jkomplu x-xogħlijiet tal-asfaltar, twessigħ ta’ mogħdijiet u żvilupp ta’ pedamenti għall-istess pont. Il-karti tal-infurzar tqaċċtu mill-post u x-xogħol kompla qisu qatt ma kien xejn.

Wied Qirda huwa żona ta’ konservazzjoni protetta, kif elenkat fil-liġijiet ta’ Malta, u l-ebda żvilupp ma jista’ jsir fih mingħajr awtorizzazzjoni mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.

Fi stqarrija li ħareġ il-Moviment, huma jitfaw il-ħtija ta’ dan kollu fuq l-Inġinier Frederick Azzopardi, li huwa l-id leminija tal-Ministru Ian Borg u li spiss iħoss li huwa ’l fuq mil-liġi bl-aġir arroganti u disprezzanti tiegħu. Hu komplew jgħid li l-Inġinier Azzopardi, kap ta’ Infrastructure Malta, diġà huwa magħruf għall-mod kif mexxa proġetti mingħajr permess inklużi dawk tat-twessigħ tat-Triq tal-Balal, u fil-fatt reġa’ deherlu li jista’ jgħaddi minn fuq iż-Żebbuġin bħal waħda mill-gafef tiegħu.

Dan il-pont tal-konkos, li huwa xi 9 metri wiesa’, qed jinbena biex joħloq aċċess bejn naħa u oħra tal-wied biex jinqeda l-avukat, perit u konsulent tal-Gvern, Robert Musumeci. Il-pont se jieħu post id-diga tal-konkos, li tpoġġiet ukoll illegalment kważi 20 sena ilu.

Moviment Graffitti jistaqsu jekk dan ix-xogħol qed isir biex jikkoreġi abbużi li saru fil-passat, għaliex ma jsirx f’kooperazzjoni mal-awtorità ambjentali kif tirrikjedi l-liġi?

Moviment Graffitti jkompli jistaqsi fl-istqarrija għaliex f’50 ġurnata, l-Awtorità tal-Ippjanar ma ħadet ebda azzjoni fuq dan l-iżvilupp, u għaliex Infrastructure Malta naqset milli tikkoopera mal-ERA u komplew għaddejjin b’dan l-abbuż fil-beraħ.