Fl-ewwel sigħat tal-vaganza tiegħu f’Londra, il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ ma’ Saad Djebbar, li hu wieħed mill-iktar avukati internazzjonali rinomati fid-dinja.

Dan joħroġ minn rapport tas-sit LovinMalta li jindika li Muscat, li jinsab f’Londra flimkien mal-familja tiegħu, kellu din il-laqgħa matul il-jum tal-Ħamis.
Jirriżulta wkoll li l-laqgħa saret fil-lobby tal-Lukanda Corinthia ta’ Londra, meqjusa bħala waħda mill-iktar lukandi lussużi fiż-żona.
Djebbar hu magħruf ukoll bħala espert tad-dinja Għarbija. Filfatt, ripetutament, hu jkun mistieden biex jintervjeni biex janalizza aħbarijiet fuq l-istazzjon Al Jazeera.
L-avukat Djebbar jgħodd portafoll vast ta’ persuni esposti politikament, fosthom tal-eks dittatur tal-Libja Muammar Gaddafi u persuni qrib ir-reġim tiegħu, il-familja li tmexxi l-Qatar u l-mara tal-eks mexxej Palestinjan Yasser Arafat. Il-mexxej Laburista injora mistoqsijiet tas-sit LovinMalta, fejn kien mitlub jikkonferma jew jiċħad li kellu din il-laqgħa.
