Lokali Qtil Politiku

Muscat jiltaqa’ mal-avukati f’Londra, imma Keith Schembri fejn hu?

Għaliex Muscat irrifjuta l-maħfra lil Yorgen Fenech?

Hekk kif fi ftit jiem oħra ikomplu jinstemgħu l-kawżi marbuta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru Joseph Muscat mar Londra biex jiltaqa’ ma’ avukati prominenti, ġranet biss wara li mar Dubaj fuq dak li ntqal li kienet btala ta’ 70 siegħa mal-familja tiegħu.

Iżda fost l-ispekulazzjoni dwar iż-żjara ta’ Muscat hemm ukoll dubji dwar Keith Schembri, Eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat li jinsab taħt investigazzjoni b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda minkejja dan, hu jinsab ħieles mingħajr ir-rabta tal-Police Bail, u mingħajr ebda akkuża formali.

F’każi normali, il-Pulizija tressaq lil persuna l-Qorti meta jirriżultalha li l-persuna jista’ jkun hemm kontriha biżżejjed evidenza biex tipproċedi fil-każ. Aktar w’aktar meta l-każ ikun wieħed ta’ assassinju.

Esperti fil-qasam legali spjegawlna kif f’għadd ta’ każi, mhux l-ewwel darba li l-Pulizija ikollha aktar minn verżjoni waħda, iżda huma jressqu lill-partijiet kollha biex imbagħad jiddeċiedu l-Qrati.

L-artiklu 638

L-artiklu 638 jgħid ċar li f’kull każ, ix-xhieda ta’ xhud biss, jekk emmnut minn min għandu jiġġudika fuq il-fatt, hija biżżejjed biex tagħeml prova sħiħa u kompluta minn kollox, daqs kieku l-fatt ġie ippruvat minn żewġ xhieda jew aktar.

Dan ifisser, li skont il-liġi, ix-xhieda li taw kemm Melvin Theuma kif ukoll Yorgen Fenech, jekk emmnuti mill-Qorti, għandhom iwasslu biex aktar persuni jitressqu l-Qorti b’akkużi.

Mill-aħħar żviluppi marbuta mar-rigali li l-Prim Ministru Joseph Muscat irċieva mingħand Yorgen Fenech, fosthom arloġġ esklussiv u fliexken ta’ nbid fin ferm u li jiswa l-eluf, qed jidher dejjem aktar evidenti li l-istess Fenech għandu informazzjoni sensittiva u importanti u li probabilment huwa lest jagħti.

L-esperti legali li tkellmu ma’ Net News qalu li fid-dawl ta’ dan kollu, jidħlu dubji serji dwar għalfejn Yorgen Fenech mhuwiex jingħata l-proklama, fost l-oħrajn suspett li dan ma sarx biex jipproteġi lil perusni oħra implikati f’dan id-delitt, fosthom l-Eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Aktar w’aktar meta wieħed jitfakar li l-istess Schembri jinsab investigat f’dan l-istess assassinju.

Schembri ġie implikat ukoll b’mod ċar minn dak li llum huwa magħruf li huwa l-middleman f’dan il-każ, Melvin Theuma, li saħansitra pproduċa ittra li turi lil Keith Schembri bħala wieħed mill-mandanti f’dan l-omiċidju. Schembri, nnifsu, meta msejjaħ jixhed fil-Qorti, l-ewwel ma telax, imbagħad tela’ meta ġie mgħajjat mill-marixall tal-Qorti, imbagħad fix-xhieda tiegħu ma kienx konsistenti.

Mix-xhieda ħarġet ukoll li meta l-Pulizija marru jfittxu fid-dar ta’ Schembri ma nstablux laptop, Mitlub jagħtihom il-mobajl, hu qallhom li tilfu, u mitlub jagħtihom il-passwords, hu rriffjuta.

Imma minkejja dan kollu u minkejja li skont ix-xhieda tal-investigatur prinċipali fl-inkjesta, Keith Arnaud, Schembri jinsab taħt investigazzjoni, jidher li huwa ma jinsabx taħt Police Bail, kif normalment ikun persuna li jinsab investigat f’omiċidju. Barra minn hekk, mhux normali li persuna li tinsab investigata fuq delitt danqstant serju, jitħalla joħroġ ‘il barra mill-pajjiż.

Imma fil-każ ta’ Schembri, mhux biss ma ngħatax Police Bail, talli tħalla jsiefer. U mhux magħruf jekk irritornax lura Malta fl-aħħar jiem.