Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-iżviluppi xejn tajba li għaddejjin fil-pajjiż viċin tagħna l-Libja. Il-kunflitt militari li għadu ma jridx jieqaf, ser ikollu issa kumplikazzjonijiet ġodda u jidher ċar li jekk ma jsir xejn sejjer jiskala. L-intervent militari ta’ stati favur jew kontra l-partijiet involuti m’hijiex ser twassal lejn soluzzjoni fil-paċi imma lejn iktar taħwid fil-ġlied.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Mifsud Bonnici u mis-Segretarja Internazzjonali tal-PN Roselyn Borg Knight, il-Partit Nazzjonalista saħaq li jemmen li l-kwistjonijiet politiċi bħal dawn għandhom jiġu affrontati u solvuti madwar mejda u mhux bl-użu tal-armi. F’dan nappoġġjaw kull inizjattiva li tista’ tittieħed sabiex jkun hemm stabbilità politika li twassal lejn id-demokrazija u d-difiża tad-drittijiet umani.
Proprju f’dan ninnutaw l-inizjattivi varji li qed jittieħdu fosthom dik li qed tissemma li qed tittieħed fl-Unjoni Ewropea mill-Italja, flimkien mar-Renju Unit , Franza u l-Ġermanja sabiex jkun hemm ftehim. Biss, f’dan ninnutaw li sfortunatament, ċertament minħabba l-pożizzjoni nazzjonali preżenti, pajjiżna huwa kompletament assenti.
Infakkru li pajjiżna kien dejjem fuq quddiem f’kull għajnuna u proċess sabiex ngħinu lill-pajjiż daqshekk importanti fil-Mediterran. Infakkru ukoll mill-ġdid ħidmietna tul il-gwerra ċivili Libjana. Għalhekk filwaqt li nawguraw li tinsab soluzzjoni nittamaw li l-Gvern preżenti jiċċaqlaq u jieħu l-passi neċessarji sabiex ikun huwa ukoll parti minn dan il-proċess u mhux maqtugħ barra. Għax pajjiżna m’għandux jitlef il-vuċi tiegħu.


