Futbol Sport

Sliema Wanderers jilħqu ftehim ma’ Arthur Oyama u viċin l-akkwist ta’ difensur Ġappuniż

(Ritratt: Joseph Galea)

Sliema Wanderers laħqu ftehim mal-Brażiljan Arthur Oyama biex ikompli t-tieni parti tal-istaġun magħhom. Oyama ngħaqad ma’ Gżira United fis-sajf li għadda wara żewġ staġuni ma’ Floriana. Oyama li jagħlaq 33 sena ftit jiem oħra, kien plejer regolari fit-tim ta’ Giovanni Tedesco iżda jidher li naqas li jikkuntenta lit-tmexxija tal-Maroons hekk kif ma kienx qed juri l-prestazzjonijiet konsistenti li kellu fl-istaġun ta’ qabel ma’ Floriana.

Intant is-Slimiżi mistennija jakkwistaw is-servizz tad-difensur Soichiro Tanaka. Il-Ġappuniż kien fuq il-kotba ta’ Ulaanbaatar City fil-Mongolja u lagħab f’diversi kampjonati oħra fosthom il-Montenegro u l-Latvja. Il-plejer mistenni jasal f’pajjiżna fil-jiem li ġejjin bil-possibbiltà li jkun konkluż it-trasferiment.

ĦAMRUN – Ħamrun Spartans huma fost l-aktar attivi f’dan is-suq tat-trasferimenti wara li tilfu xi plejers. Huma laħqu ftehim biex jakkwistaw il-midfielder Marcello Fava. Fava fil-jiem li ġejjin jagħlaq 25 sena u fl-aħħar żewġ staġuni kien qed jilgħab għal ASD Mondragone fil-Kampjonat Eccelenza fl-Italja. Hu ma jistax jiġi rreġistrat għalissa minħabba li l-klabb qed jipprova joħroġ minn projbizzjoni u jidher li din il-kwistjoni tista’ tissolva matul il-ġimgħa d-dieħla.