Il-Prim Ministru Spanjol proviżorju, Pedro Sanchez, ingħata appoġġ mingħand l-akbar partit separatista tar-reġjun ta’ Katalonja biex ikun jista’ jifforma Gvern ġdid ta’ koalizzjoni.
Dan meta sar magħruf li d-deputati tal-Esquerra Republicana de Catalunya (ERC) għandhom jastjenu minn vot ta’ fiduċja li se jsir il-ġimgħa d-dieħla, b’dan il-pass għandu jwitti t-triq għal mandat ġdid ta’ poter għal Sanchez. Intant, l-ERC qal li Gvern Spanjol immexxi minn Sanchez, ’il quddiem, beħsiebu jidħol għal taħditiet dwar il-futur ta’ Katalonja.
L-iżvilupp hu sinifikanti meta Spanja ilha kważi sena mifnija bl-inċertezza politika. Fil-fatt, Spanja, is-sena l-oħra, għaddiet minn żewġ elezzjonijiet inkonklussivi waqt li kellha tiffaċċja l-kampanja kontinwa għall-indipendenza ta’ Katalonja mill-kumplament tal-pajjiż.
Fl-elezzjoni ta’ Novembru, il-Partit Soċjalista (PSOE) ta’ Sanchez kien rebaħ l-aktar siġġijiet fil-Parlament iżda naqas milli jikseb 176 għal maġġoranza fl-assemblea.
Il-PSOE, intant, daħal fi ftehim biex jifforma gvern ta’ koalizzjoni mal-partit estremista tax-xellug, Podemos. Madankollu s-Soċjalisti u l-Podemos xorta għad m’għandhomx il-maġġoranza fil-Parlament – u li jfisser li huma jeħtieġu l-appoġġ tal-partiti ż-żgħar, fosthom l-ERC, biex jaċċertaw minn koalizzjoni ta’ tmexxija.
//= $special ?>